Kmieni l-Ħamis waranofsinhar, ferħ ta’ Fjamingu niżel fuq il-blat fix-Xwejni Għawdex. Waqt li n-nies fl-inħawi kienu qed igawdu l-ġmiel ta’ dan l-għasfur, persuna kienet osservata tisparalu u tiġbor il-Fjamingu f’vettura, imbagħad telqet mill-post. Jidher li x-xufier tal-karozza għen lill-kaċċatur biex jaħrab mill-inħawi.
Informazzjoni li ngħatat lil BirdLife Malta ġiet mgħoddija lill-Pulizija ta’ Għawdex li qed jinvestigaw il-każ. Hu mifhum li l-pulizija qiegħda twettaq tfittxijiet fuq xi persuni li ġew identifikati.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Għawdex sar mekka ta’ illegalitajiet gravi daqs il-Miżieb u l-Aħrax, u t-tama tagħna hi li l-awtoritajiet tal-infurzar jieħdu din is-sitwazzjoni bis-serjetà. Nittamaw ukoll li l-pubbliku jagħti daqqa t’id billi jirrapporta każi bħal dawn u jibgħat l-informazzjoni kollha mill-ewwel lilna u lill-Pulizija. Inċidenti bħal dawn f’Għawdex jindikaw b’mod ċar li għandna bżonn inkunu preżenti aktar f’din il-gżira.”
Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara żied jgħid: “L-istaġun tal-passa tal-għasafar beda u kif jiġri kull sena, numru ta’ għasafar protetti – anke matul l-istaġun magħluq – jispiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi li jiġu jaqgħu u jqumu mil-liġi, altru milli huma xi konservazzjonisti jew xjenzati kif jippruvaw ipinġu lilhom infushom li huma.”
//= $special ?>