‘Il fuq minn 51,000 residenza f’pajjiżna huma okkupati mill-barranin filwaqt li kważi 50% tar-residenzi f’pajjiżna huma appartamenti u penthouses.
Dan ħareġ miċ-ċensiment tal-housing illi ġie konkluż mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – ‘data’ li nġabret matul is-sena 2021.
Ir-rapport jgħid li fl-2021 it-total ta’ residenzi f’pajjiżna kienu ftit aktar minn 297,000. U dan ifisser li f’perjodu ta’ 10 snin kien hemm żieda ta’ 32.8%.
Dan filwaqt li ‘il fuq minn 81,000 residenza huma sekondarji; illi jfisser residenzi li jintużaw f’staġun partikolari jew inkellha residenzi vojta fejn kważi nofshom – preċiżament 45% – jinsabu f’Għawdex.
Interessanti l-fatt li ż-żieda ta’ residenzi huwa l-akbar żieda li qatt ġiet innutata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif f’għaxar snin ir-residenzi żdiedu bi ftit aktar minn 7,400 kull sena.
Apparti minn hekk, iċ-ċensiment jgħid li l-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar għandha l-aktar residenzi hekk kif tammonta għal 8% tar-residenzi li hawn madwar pajjiżna – 23,738 residenza.
Meta wieħed jikkumpara mal-aħħar ċensiment li kien sar fl-2011 wieħed jinnota li l-lokalitajiet li esperjenzaw l-akbar żieda fil-bini kienu San Pawl il-Baħar, il-Mosta u l-Imsida.
Għaldqastant jidher li San Pawl il-Baħar se jkompli jżid fin-numru ta’ propjetajiet. U dan wara li stħarriġ separat li sar mill-NSO dwar residenzi approvati wera li f’San Pawl il-Baħar ġew approvati ‘il fuq minn 200 residenza ġdida.
//= $special ?>