Il-ħtieġa tar-raba’ vapur u l-bżonn immedjat ta’ pjan reġjonali għal Għawdex huma fost id-diversi proposti li issemmew mill-GTA fid-dokument li ġie imressaq għall-Budget tas-sena d-dieħla. Bl-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu tiffoka fuq proposti għal konnettività aħjar bejn iż-żewġ gżejjer, il-ħarsien tal-ambjent, it-tisħiħ tal-prodott turistiku.
Fid-dokument preżentat lill-media, il-GTA tisħaq li Għawdex għandu bżonn ir-raba’ vapur biex tissaħħaħ il-konnettività. Dan il-bastiment għandu jieħu post in-Nikolaus, li bħalissa qed jinkera mill-Gvern.
L-aħħar investiment maġġuri fil-vapuri tal-Gozo Channel kien sar minn Gvern Nazzjonalista, bil-bini ta’ tliet vapuri ġodda. Dan filwaqt li kienu inbnew terminals ġodda, b’fondi Ewropej.
Fejn tidħol konnettività bejn Għawdex u Malta, il-GTA qed tipproponi li jissaħħaħ is-servizz eżistenti tal-fast ferry, u jibda l-iżvilupp tal-airfield għall-ajruplani fixed wing.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent, id-dokument isemmi l-urġenza li tinħass għal pjan reġjonali u policies li jħarsu l-karatteristiċi tal-villaġġi Għawdxin. Dan filwaqt li għandhom jitneħħew l-inċentivi fiskali għal bejgħ ta’ propjetà biex din tinbidel f’appartamenti. Bil-GTA tisħaq li l-inċentivi għandhom ikunu favur restawr ta’ binjiet antiki, u biex jitħarsu propjetajiet f’zoni UCA.
Intant, proposti oħra li ressqet il-GTA jinkludu l-bini mill-ġdid tat-triq ta’ Marsalforn, il-ħolqien ta’ niċeċ turistiċi ġodda, u l-investiment fit-taħriġ tal-ħaddiema. Dan flimkien mal-ħtieġa immedjata li l-Gvern ma jibqax f’kompetizzjoni diretta mal-privat fejn jidħol postijiet tax-xogħol.
//= $special ?>