Miriam Dalli, il-Ministru responsabbli mis-settur tal-Enerġija u li fil-ġimgħat li għaddew kienet fiċ-ċentru ta’ kritika qawwija kontinwa minħabba l-qtugħ persistenti tas-servizz tad-dawl f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, qegħda tirrifjuta li tonora u twettaq ordni ta’ Kastilja biex Jonathan Cardona, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korporazzjoni Enemalta, jitkeċċa mir-rwol tiegħu minħabba dak li ġara f’dawn il-ġimgħat bil-qtugħ tas-servizz tal-provista tal-elettriku.
Sorsi infurmati li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon, żvelaw li fl-aħħar ġimgħat – anki waqt diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri – Robert Abela nsista li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà għal dan il-falliment tal-qtugħ ripetut tal-provista tad-dawl f’bosta lokalitajiet għal ġranet sħaħa.
Robert Abela nsista mal-Ministru Miriam Dalli li xi ħadd irid jispiċċa b’rasu mtajra anki biex il-Gvern tiegħu juri li qiegħed jagħmel xi ħaġa fid-dawl tal-kritika ħarxa li kienet qegħda ssirlu u li għadha qegħda ssirlu għal dan il-falliment totali ieħor tiegħu milli jassigura s-serħan tal-moħħ tal-Maltin u l-Għawdxin għar-rigward tas-servizzi tad-dawl fi djarhom.
Proprju fil-jiem li għaddew kien żvelat li ta’ Kastilja żiedu l-pressjoni tagħhom biex Jonathan Cardona jispiċċa minn Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korporazzjoni Enemalta. Kien żvelat ukoll li dan kien se jingħata rwol ieħor fit-Tmexxija tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) fejn saħansitra ngħad li kien se jieħu post Mark Gauci li se jkun qiegħed jirtira mill-kariga tiegħu.
Iżda fi żvilupp xejn mistenni, il-Ministru Miriam Dalli mhux biss ċaħdet dawn ir-rapporti, iżda kienet rapportata tgħid li mhux minnu li hi kienet se tordna lil Jonathan Cardona biex iwarrab mill-kariga tiegħu fl-Enemalta kif jixtiequ dawk ta’ Kastilja.
Żiedet li Jonathan Cardona fil-fatt għadu jirrapporta għax-xogħol b’mod normali fil-Korporazzjoni Enemalta u bl-ebda mod ma kien imneħħi mill-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Enemalta.
Biex tkompli tisfida l-ordni ta’ Kastilja, il-Ministru Miriam Dalli żiedet tippreċiża li fil-fatt Jonathan Cardona hu parti importanti mill-fokus tal-Enemalta biex jissaħħaħ is-settur tal-investiment fl-Enerġija b’mod partikulari fejn tidħol id-distribuzzjoni tas-sistema tal-elettriku.
Dan kollu jfisser bl-aktar mod ċar li filwaqt li ta’ Kastilja – Robert Abela l-perċimes – iridu li Jonathan Cardona jkun il-ħaruf tas-sagrifiċċju għall-falliment ta’ Robert Abela fis-settur tal-Enerġija fejn ħalla lill-Maltin u lill-Għawdxin għal jiem sħaħ bla dawl matul dawn il-jiem tas-sajf meta t-tempertura telgħet għal gradi għoljin ferm, finalment qed tgħodd il-kelma tal-Ministru Miriam Dalli għaliex sa issa Jonathan Cardona għadu ma tkeċċiex minn postu fl-Enemalta.
Tajjeb li jingħad li Jonathan Cardona ilu fit-Tmexxija tal-Korporazzjoni Enemalta għal ftit inqas minn sentejn wara li ħa r-rwol li kien f’idejn Jason Vella li wkoll jidher li kien ittajjar mill-kariga li kellu minħabba qtugħ ripetut fis-servizz tad-distribuzzjoni tal-elettriku fis-sajf ta’ sentejn ilu.
In-Nazzjon jista’ jiżvela li ta’ Kastilja jridu akkost ta’ kollox li jtajru lil Jonathan Cardona mit-Tmexxija tal-Korporazzjoni Enemalta biex minfloku jimponu lil xi ħadd qrib tagħhom u hekk ikollhom kontroll aktar fuq l-operat tal-Ministru Miriam Dalli li kollox jindika li mhix se ċċedi malajr quddiem ix-xewqat ta’ Robert Abela sal-punt li se tibqa’ tisfidah… aktar u aktar meta hu sigriet magħruf li l-popolarità ta’ Robert Abela fil-Partit u fil-pajjiż fl-aħħar xhur u ġimgħat majnat waħda u sew, u dan hu ċ-ċans ideali għaliha li tkompli tikber fil-popolarità tagħha fil-Partit.
//= $special ?>