Kummerċ Lokali

Il-kumpanija Melita tinvesti €50 miljun

Melita Limited se tkun qed tinvesti €50 miljun fin-networks tagħha matul is-seba’ snin li ġejjin, sabiex twassal il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ veloċitajiet tal-internet u livell ta’ affidabbiltà bla preċedent li hu mistenni jfassal il-ġejjieni diġitali ta’ pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Melita, Harald Roesch, illum ħabbar il-bidu ta’ ‘Road to 10 Gigabits’, billi waqt preżentazzjoni live fl-Imrieħel introduċa t-teknoloġija li se tlaħħaq veloċità ta’ xejn inqas minn 10 gigabits – jew 10,000 megabits.

Din it-teknoloġija 10 Gbps mistennija tipprovdi veloċitajiet broadband 10 darbiet ikbar mill-aktar network veloċi fil-pajjiż illum, u se jkollha sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà tagħna hekk kif se ttejjeb il-mod li bih aħna lkoll nikkonnettjaw, ngħixu u naħdmu.

Roesch qal: “Filwaqt li diġà noffru konnettività eċċezzjonali, aħna issa qed nimmiraw lejn il-livell li jmiss ta’ veloċitajiet tal-internet sabiex meta jasal iż-żmien li l-apparat li nużaw ikun evolva u applikazzjonijiet ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, ikunu aktar mifruxa, in-network se jkun lest għall-ħtiġijiet il-ġodda li se dawn jġibu magħhom.”

Il-Kap tat-Teknoloġija tal-Melita, Simon Montanaro, spjega li l-prospett tal-evoluzzjoni lejn 10 Gbps mistenni jwassal għal esperjenzi aħjar fejn jidħlu applikazzjonijiet sensittivi għad-dewmien, u fl-istess ħin se joħloq potenzjal għal ħiliet u esperjenzi ġodda bl-internet fost firxa kbira ta’ industriji.