Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE qed jikkunsidraw l-aħjar mezzi għal soluzzjoni diplomatika tal-kriżi politika li żviluppat fil-kontinent Afrikan wara l-aħħar kolpi ta’ stat fin-Niġer u l-Gabon.
Il-Viċi-Prim Ministru Taljan Antonio Tajani, li hu wkoll Ministru għall-Affarijiet Barranin, semma l-ħtieġa għal dan l-impenn mill-UE qabel bdiet laqgħa informali għall-Ministri tal-Unjoni l f’Toledo, fi Spanja.
Tajani irrefera għas-sitwazzjonijiet tal-instabbiltà fiż-żewġ pajjiżi Afrikani partikulari u qal li hemm il-periklu li l-inkwiet jinfirex anki għal pajjiżi oħrajn fir-reġjun.
Tajani u l-Ministri Ewropej qed jittamaw f’soluzzjoni diplomatika għall-kriżi ‘fejn l-Ewropa tkun preżenti biex tgħin mingħajr ma tagħti l-impressjoni ta’ kolonjalista.’ Fl-istess ħin, l-UE qed tapprezza l-isforzi tal-Alġerija biex isservi bħala medjatur fil-kriżi tan-Niġer wara l-kolp ta’ stat militari ta’ Lulju fil-pajjiż.
Intant, l-Ewropa hi konxja li kwalunkwe intervent militari f’din is-sitwazzjoni għandha toħloq il-kumplikazzjonijiet ġodda għar-reġjun minbarra li żżid l-eżodu tal-immigranti mill-kontinent Afrikan.
//= $special ?>