Lokali Qorti

Il-kawża mill-PN kontra l-PBS se tibda tinstema’ fil-15 ta’ Settembru

Il-kawża mill-PN kontra l-PBS se tibda tinstema’ fil-15 ta’ Settembru li ġej.

Il-kawża ġiet ippreżentata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino flimkien mal-avukati Paul Borġ Olivier u Francis Żammit Dimech. Il-PN fil-kawża tiegħu qed jgħid li huwa d-dritt taċ-ċittadin li jingħata informazzjoni bilanċjata fuq il-mezzi tax-xandir dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali, jew li jirriferixxu
għal policy pubblika korrenti.

Il-kawża ġiet ippreżentata wara li minkejja l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-PN rigward ċ-ċensura minn naħa tax-xandir nazzjonali, xorta saret kompliċi fiċ-ċensura mal-PBS dan għaliex naqset milli tagħti rimedju effettiv lil PN li ressaq l-ilment.

Fil-fatt Michael Piccinino ilmenta li huwa inaċċettabbli illi l-Awtorità tax-Xandir tkun kompliċi mal-PBS meta tonqos illi tieħu miżuri meħtieġa biex tassigura verament bilanċ tax-xandir. Fost diversi talbiet illi kienu ippreżentati fil-qorti il-PN talab lill-qorti biex tiddikjara li bl-aġir tagħha Awtorita’ tax-Xandir naqset milli tassigura li tiġi miżmuma imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali.

Fl-istess waqt il-PN sofra diskriminazzjoni li affettwati d-drittijiet tal-Partit Nazzjonalista. Intant il-PN ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura li l-poplu jkollu d-dritt tiegħu mmħares illi jirċievi l-informazzjoni meħtieġa kif jixraq f’demokrazzjija vera.