Lokali

Sinjuri żgħar? Miriam Dalli tiftaħar bil-Gvern

Minkejja l-problemi kbar li ġab miegħu l-mudell ekonomiku addottat mil-Labour fl-aħħar 10 snin, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jgħid illi grazzi għal dan il-mudell…kulħadd sar sinjur żgħir f’pajjiżna.

Il-fatt jibqa’ li bħalissa …ħafna familji mhux ilaħqu sal-aħħar tax-xahar, bl-ispejjeż dejjem jiżdiedu – l-aktar minħabba l-piż enormi tal-għoli tal-ħajja.

Apparti minn hekk, iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw imsalbin bil-loans jew b’kirja għolja…bil-koppji joħorġu t-tnejn jaħdmu ….. u t-tfal jitħallew man-nanniet.

Dan filwaqt li s-sistema tas-saħħa mhux tlaħħaq, u t-traffiku spiċċa jwassal għal staġnar ma’ kullimkien. Pajjiż fgat … bit-turisti jisħqu li ma jridux jerġgħu iżuruna.

Mudell ekonomiku li wassal biex fost il-familji Maltin u Għawdxin, aktar minn 16% minnhom jinsabu fir-riskju tal-faqar. B’terz tal-Maltin din is-sena iddeċidew li ma jmorrux vaganza.

Iżda l-Ministri tal-Gvern – fosthom Miriam Dalli, qed jibqgħu jinjoraw dawn ir-realtajiet. Bil-Ministru tad-Dawl u l-Iskart bħal donnha li qed taqbel ma’ dak li stqarr Joseph Muscat ftit tal-jiem ilu.

Il-verita hi…li pajjiżna mhux qed jiflaħ aktar għall-piż qawwi taż-żieda sproporzjonata fil-popolazzjoni fl-aħħar 10 snin. Dan riżultat tal-istrateġija ekonomika applikata mill-Gvern tal-Labour – mudell li nibet taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.