Futbol Sport

Milan jegħlbu lil Roma fl-Olimpico b’gowl f’kull taqsima

(Ritratt: EPA)

Roma v Milan 1-2

Milan għelbu l-ikbar sfida li kellhom s’issa fil-kampjonat kontra Roma b’gowl f’kull taqsima jiddetterminaw il-partita fl-Olimpico.

Il Rossoneri ma damux ma fetħu l-iskor hekk kif l-attakkant Franċiż Olivier Giroud sab ix-xibka minn penalty li wasal minn foul kommess fuq Loftus Cheek mill-goalkeeper Rui Patricio.

Milan irduppjaw l-iskor fit-48 minuta permezz ta’ Rafael Leao li għeleb lil Patricio b’konklużjoni akrobatika mill-kross preċiż ta’ Calabria mil-lemin.

Fil-61 minuta Milan spiċċaw jilagħbu b’10 hekk kif tkeċċa Fikayo Tomori wara li kkometta foul fuq Belotti u ntwera t-tieni karta safra tiegħu.

Roma skorjaw gowl fit-92 minuta permezz tad-difensur laterali Leanardo Spinazzola mix-xellug, madankollu l-gowl kien biss ta’ konsolazzjoni.

Sassuolo v Hellas Verona 3-1

Sassuolo ħarġu rebbieħa fil-konfront tagħhom kontra Hellas Verona permezz ta’ żewġ gowls ta’ Domenico Berardi, bl-iskor finali tal-partita jkun 3-1.

Kienu propja il-Neroverdi li fetħu l-iskor l-ewwel wara 11-il minuta logħob permezz ta’ Andrea Pinamonti minn kross mil-lemin ta’ Berardi.

Hellas Verona kisbu d-draw fit-tieni taqsima meta Cyril Ngonge sab ix-xibka minn żball tal-goalkeeper ta’ Sassuolo Consigli.

Sassuolo ma damux ma reġgħu ħadu l-vantaġġ b’din id-darba Domenico Berardi jniżżel ismu mal-iskorers mis-suġġeriment tal-attakkant Franċiż Laurentie.

Fit-73 minuta Domenico Berardi skurja t-tieni gowl personali tiegħu u kkonferma r-rebħa għat-tim tiegħu meta għeleb lil Montipo bix-xellug.

Illum: Sassuolo v Verona 3-1, Roma v Milan 1-2
Għada: Udinese v Frosinone 6:30pm, Bologna v Cagliari 6:30pm, Napoli v Lazio 8:45pm
Il-Ħadd: Torino v Genoa 6:30pm, Inter v Fiorentina 6:30pm, Empoli v Juventus 8:45pm, Lecce v Salernitana 8:45pm