Lokali

Alison Zerafa Civelli tgħid li hi l-iskart ma tiffriżahx

Ma tikkummentax dwar l-infurzar li hawn bżonn fit-toroq

Kollox jindika li s-Segretarju Parlamentari, responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Alison Zerafa Civelli, mhux qed tħoss il-polz tal-Kunsilli Lokali u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħodu, meta mistoqsija minn Net News biex toħroġ b’soluzzjoni għall-kriżi tal-iskart, hija naqset milli tagħmel dan. Għalkemm insistiet li hi “ma tifrizahx”.

Anke hawn, Zerafa Civelli kienet skorretta – għaliex mhux veru li l-frekwenza tal-ġbir tal-organic żdiedet. Dan għaliex fil-verita, ilha ħames snin sħaħ tinġabar tliet darbiet fil-ġimgħa.

Hu x’inhu il-każ….diversi Kunsilli qed jappellaw lill-Gvern sabiex ikun proattiv. B’numru ta’ Sindki, kemm minn naħa tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll dawk tal-Labour qed juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għan-nuqqas ta’ immaniġjar minn naħa tal-Gvern ta’ Ablea.

Numru kbir ta’ familji qed jinsistu li huma ma jifilħux iżommu l-iskart tagħhom ġewwa, kemm minħabba problema ta’ spazju kif ukoll kawża tal-intejjen tremendi – bis-soluzzjoni tal-Gvern tkun li ċ-ċittadin jixħet l-iskart organiku fil-friża.

U filwaqt li Zerafa Civelli minn naħa tagħha insistiet li l-Gvern qed jagħmel ħafna biex jipprova jsib tarf ta’ din il-kriżi…mhux l-istess jista’ jingħad għall-Ministru Clayton Bartolo, illi deher imħasseb b’dak li qed jara kuljum quddiem għajnejh.

Alison Zerafa Civelli minn naħa tagħha tat x’tifhem li l-frekwenza tal-ġbir tal-borża s-sewda se tkun qiegħda tonqos. B’riżultat li din se ġġib sfida fost l-oħrajn għal min għandu t-trabi – u allura, min jarmi ħrieqi b’mod regolari.

Intant, meta saqsejna lil Zerafa Civelli jekk hux sodisfatta bl-infruzar b’rabta ma’ din il-kriżi tal-iskart… hija ħarbet milli twieġeb.

Għal aktar minn darba staqsejna lis-Segretarju Parlamentari sabiex tgħidilna aktar dwar x’se jsir rigward l-infurzar – b’appelli saħansitra mill-Kunsilli Lokali li qed iħossuhom abbandunati, u turisti jħabbtu wiċċhom ma’ ħmieġ u telqa enormi.

Madanakollu wara li Zerafa Civelli saħqet li ma tridx toqgħod tbella l-multi lin-nies….hija ħarbet milli twieġeb dwar kif se jkunu qed jinfurzaw il-liġi.