Jibqa’ jiddefendi lill-Kummissarju tal-Films Johann Grech
Attakk fuq pajjiżna. Hekk kien iddeskriva l-Kummissarju tal-Films Johann Grech il-fatt li ċ-ċittadin jistaqsi x’qed isir minn flusu.
Bosta ġurnalisti, opinjonisti u esperti fl-aħħar jiem staqsew dwar in-nefqa tal-Malta Film Commission mit-taxxi tal-Maltin u Għawdxin…kif ukoll x’intrjotu qed iddaħħal il-kummissjoni taħt it-tmexxija tal-eks Marketing Manager tal-Gvern ta’ Muscat, Johann Grech.
Kienu diversi dawk li staqsew lil Johann Grech – inkluż Net News, fejn permezz ta’ e-mail mibgħuta ġimgħa ilu, staqsejnih 19-il domanda dwar l-ispiża, in-nefqa u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Kummissjoni tal-Films – madanakollu bqajna mingħajr risposta.
Hekk ukoll staqsejna lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana b’rabta ma’ dan is-suġġett – madanakollu, lanqas il-Ministru Caruana, li għad għandu ħafna aktar x’iwieġeb, baqa’ ma kellimna xejn.
Għaldaqstant Net News il-Ġimgħa filgħodu staqsa lill-Minsitru Clayton Bartolo, responsabbli mill-Malta Film Commission, dwar in-nefqa tal-kummissjoni taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Fost oħrajn saqsejna lill-Ministru kemm ġie jiswa l-Mediterrane Film Festival, bi Clayton Bartolo jgħidilna li kull informazzjoni se tkun qed tinħareġ sal-aħħar ta’ Settembru…meta, suppost, il-pubbliku jkollu kull informazzjoni ta’ kemm ħareġ il-Gvern u kemm għamel qliegħ minnu.
Inevitabbilment, Net News saqsa domanda li tinsab fuq fomm kulħadd – kif il-paġna ta’ Facebook tal-Malta Film Commission għadha hacked – tant li l-Kummissarju kellu jindirizza lin-nies fl-industrija permezz ta’ filmat ippubblikat fuq il-paġna personali tiegħu.
Madanakollu għal Ministru kollox qisu xejn m’hu xejn. U jidher li tali nuqqas qed jieħdu biċ-ċajt.
B’diskors kuntrastanti għall-aħħar ma’ dak li diversi ħaddiema esprimew ma’ Net News, Clayton Bartolo qal li qed jingħataw l-opportunitajiet fil-films. Madanakollu, nies fis-settur qed jisħqu li hemm monopolju u li diffiċli immens biex tixħet saqajk fl-industrija tal-films lokali u ssib post sigur.
Intant, dan l-istazzjon staqsa wkoll lill-Ministru tat-Turiżmu jekk jafdax lil ta’ madwaru fuq il-mejda tal-Kabinett ta’ Robert Abela wara li għall-ewwel darba fl-istorja…Kabinett tal-Gvern kellu leak u ġew żvelati xi memos.
Hawnhekk ukoll, jidher li l-Ministru ħadha biċ-ċajt. U dawwarha b’mod partiġġjan.