Lokali

“Festa Għeneb” fis-Siġġiewi

Settembru huwa sinonimu mad-dwieli u max-xogħol tal-bdiewa li jwasslu fi djarna l-aqwa għeneb li jiġi prodott mill-għelieqi Maltin.

U għal sena’ oħra, anke din is-sena se naraw il-karatteristiċi Siġġiewin fl-avveniment annwali “Festa Għeneb” li se jsir fil-pjazza San Nikola fis-Siġġiewi. Dan sabiex il-pubbliku jkun jista’ japprezza il-proċess li jkun sar matul is-sena fl-ikkultivar tal-mixtliet tal-għeneb.

Fost id-diversi attrazzjonijiet li ser ikun hemm f’dan l-avveniment, hemm wirja agrarja bis-sehem ta’ bdiewa u diversi individwi li se jesebixxu għodod u prodotti agrikoli. Kif ukoll wirja tal-annimali li ser tieħu forma ta’ kompetizzjoni ….illi tispiċċa bit-tberik.

Ser jinfetaħ ukoll ix-xelter li jinsab taħt Pjazza San Nikola, fejn mistenni jitwassal dokumentarju dwar l-istorja tal-istess xelter.

F’dan l-avveniment ser ikun hemm il-partecipazzjoni ta’ diversi gruppi mużikali fosthom Kantera, I Love Rug u Sterjo Tipi. Barra minn hekk ser ikun hemm mużika folkloristika Maltija kif ukoll diversi għannejja li permezz tagħhom ikomplu joħolqu l-ambjent tipiku Malti.

Din is-sena il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ser jestendi dan l-avveniment fuq jumejn – mis-16 u sas-17 ta’ Settembru – bl-attivitajiet fil-pjazza jibdew mis-6.30 ta’ flgħaxija ‘il quddiem.