Lokali

Franċiż fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’Blue Lagoon

Il-Ġimgħa għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li żagħżugħ Franċiż ta’ 19-il sena iddaħħal l-isptar Ġenerali t’Għawdex wara li weġġa’ waqt li kien fil-bajja ta’ Blue Lagoon, f’Kemmuna.

Mill-investigazzjoni preliminari rriżulta li ż-żagħżugħ żelaq waqt li kien miexi u waqa’ għoli ta’ madwar tliet metri. Huwa sofra xi ġrieħi meta ġie fuq xi blat.

Membri mill-Emergency Response & Rescue Corps taw l-assistenza sabiex iż-żagħżugħ jittieħed l-Imġarr, Għawdex, fejn kien hemm ambulanza li ħaditu l-isptar għall-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifkat li weġġa’ serjament.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.