Lokali

Il-Gvern jarmi €4,000,000 għal krejn li jaħdem b’nofs il-kapaċità li kien jaħdem qabel

Fi Stqarrija maħruġha mill-Partit Nazzjonalista, Ivan Castillo, il-Kelliem għas-Settur Maritimu u x-Xogħol, qal li wara erba’ snin mitluq u ma joperax, il-Gvern finalment iddeċieda li jsewwi l-krejn tas-silo tal-qamħ ta’ Kordin b’investiment ta’ 4 miljun euro minn fondi pubbliċi. L-aħħar apparat installat għandu kapaċità ta’ ppumpjar ta’ nofs l-ammont 600 tunnellata f’siegħa ta’ qamħ, fejn dak li kien hemm qabel kien jippumpja 1200 tunnellata f’siegħa.

L-erba’ snin ta’ apatija ġabu wkoll telf ta’ aktar minn 3 miljuni fi trasbord.

Dan il-Gvern għal darb’oħra rema u għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi ta’ miljuni. Dan ifisser li l-operazzjonijiet qed idumu d-doppju tal-ħin, b’dan qed joħloq kaos u telf kbir ta’ flus għall-ħaddiema tax-xatt li jitħallsu bit-tunnellata u mhux bil-ġurnata. Dan żied ukoll l-ispejjeż operattivi u l-ispejjeż tax-xogħol tas-silo tal-Grain ta’ Kordin u okkupazzjoni ta’ ħin żejjed ta’ berthing fil-port.

Il-firxa tal-krejn hija wkoll ristretta, jiġifieri hemm bżonn ta’ bobcats ikbar biex jiġbru l-qamħ fil-qiegħ tal-bastiment. Bobcats, li għandhom mobbilità limitata minħabba d-daqs tagħhom.

Din l-inkompetenzi se jkollha wkoll effett negattiv fuq l-attrazzjoni ta’ Malta fit-trasbord taċ-ċereali, peress li l-bastimenti qed idumu d-doppju sakemm jitlestew l-operazzjonijiet. Dan qed joħloq sitwazzjoni fejn il-prezzijiet jistghu jkunu instabbli u aktar għoljin. Dan kollu jagħti stampa ħafna differenti minn dak imwiegħed mill-Ministru Silvio Schembri li f’konferenza tal-aħbarjiet fil-15 ta’ Ġunju 2022 wiegħed operazzjonijiet bla xkiel u aktar effiċjenti, qal li se jnaqqas l-ispejjeż, u li dan il krejn il-ġdid  huwa state of the art u ser jkun jista’ jservi għall-bastimenti ferm ikbar.

Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu jkomplu jagħmlu lil Malta anqas attraenti fit-trasbord taċ-ċereali u ferm inqas effiċjenti. Dan huwa Gvern f’paniku li ma jafx x’qed jagħmel, li jarmi flus pubbliċi b’mod irresponsabbli.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi bi krejn li għandu nofs il-kapaċità li kien jaħdem qabel kif ser ikunu qed jitwettqu dawn il wegħdiet?