Il-Papa Franġisku beda l-ewwel żjara tiegħu fil-Mongolja bħala Kap tal-Knisja u fejn qed jipprova jinkoraġġixxi lill-komunità tal-Kattoliċi fil-pajjiż biex tippersisti b’kuraġġ bl-espressjonijiet ta’ fidi.
Il-komunità tal-Kattoliċi fil-Mongolja hi fost l-iżgħar komunitajiet ta’ nies li jħaddnu dan it-twemmin fid-dinja.
Sadanittant, l-ewwel żjara tal-Papa fil-Mongolja ( li se ddum għal erbat ijiem) hi anki sinifikanti fi żmien meta l-Vatikan mill-ġdid qed ikollu relazzjonijiet diffiċli mar-Russja u ċ-Ċina — iż-żewġ potenzi viċin dan l-Istat fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Buddisti.
Il-Papa wasal f’Ulaanbaatar, il-kapitali tal-Mongolja, wara titjira mill-ispazju tal-ajru taċ-Ċina. Intant, hu bagħat messaġġ ta’ awgurju lill-President Ċiniż Xi Jinping skont il-protokoll tal-Vatikan għal kull sitwazzjoni fejn l-ajruplan tal-Papa jgħaddi mill-ispazju tal-ajru ta’ pajjiż partikulari.
Meta tkellem dwar il-Mongolja, il-Papa qal li dan hu pajjiż b’popolazzjoni żgħira iżda b’kultura kbira. Dan meta l-programm tiegħu qed jinkludi laqgħat uffiċjali mal-President u l-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, minbarra diskors lill-membri tal-Gvern tal-Mongolja u lill-kapijiet tal-oqsma kulturali u kummerċjali fil-kapitali.
Xejn anqas sinifikanti fl-iskeda tal-Papa hi l-laqgħa programmata mal-Isqfijiet, il-qassisin u s-sorijiet li jiffurmaw is-sinsla tal-komunità ċkejkna ta’ Kattoliċi fil-Mongolja…Komunità magħmulha biss minn 1,450 ruħ u li ilha teżisti biss għal għaxar snin.
Filwaqt li l-Kristjaniżmu ilu preżenti fir-reġjun għall-mijiet tas-snin, il-Knisja Kattolika ilha biss mill-1992 bi preżenza ‘limitata u sanzjonata’ fil-Mongolja. Dan wara li l-pajjiż inkwistjoni kien warrab il-Gvern komunista alleat mal-eks Unjoni Sovjetika u introduċa d-dritt għall-espressjoni ħielsa tar-reliġjon fil-Kostituzzjoni tiegħu.
//= $special ?>