Internazzjonali

L-Istati Uniti: Servizz bil-‘livestream’ dwar il-ġuri ta’ Trump mistenni jattira udjenza rekord

Il-proċess tal-qorti f’Georgia għall-eks President Amerikan Donald Trump se jintwera fuq it-televiżjoni kif ukoll b’livestream’s u fejn hu irid iwieġeb għal akkużi ta’ frodi u attentati ta’ manipulazzjoni relatati mal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti li ntrebħet mill-Mexxej Amerikan attwali Joe Biden.

Is-smigħ kollu se jinstama’ ‘live’ fuq il-Youtube Channel tal-Qorti ta’ Fulton County u waqt li ma ngħatatx data fissa, il-proċess kapaċi jibda s-sena d-dieħla –  fi żmien meta Trump ikun għadu qed jipprova jikseb it-tikketta tal-Partit Repubblikan biex jikkuntesta mill-ġdid għall-White House.

Donald Trump (ritratt) u 18-il imputati oħra huma akkużati dwar kumplott biex jaqilbu ‘illegalment’ ir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-2020. Intant, Trump, li qed jiffaċċja tliet proċessi tal-qorti oħra dwar allegati reati i, qed jinsisti li mhux ħati mit-13-il akkuża miġjuba kontra tiegħu f’Georgia.

Intant, dan il-ġuri  ‘il quddiem mistenni jkun l-aktar wieħed segwit għal snin fl-Istati Uniti.

Fi żviluppi oħra, sostenitur ewlieni ta’ Donald Trump ingħata sentenza ta’ 17-il sena ħabs bħala ‘il-moħħ’ wara r-rewwixta qattiela tas-6 ta’ Jannar tal-2021 f’Capitol Hill, fil-belt ta’ Washington.

Joe Biggs, veteran fl-Armata Amerikana u l-Kap tal-grupp ‘Proud Boys’ magħmul minn Repubblikani radikali, kien mixli fuq għadd kbir ta’ akkużi; fosthom li ħeġġeġ u pjana din ir-rewwixta kif ukoll rigward theddid lill-uffiċjali biex huma ma jagħmlux xogħolhom.

Intant, membru ieħor tal-‘Proud Boys’ ingħata sentenza ta’ 15-il sena priġunerija wara li hu wkoll kien mixli b’akkużi simili.