Filwaqt li qed tkompli l-gwerra fl-Ukrajna żdiedu anki s-sinjali li l-qawwiet Ukreni qegħdin jattakkaw lill-interessi tal-Kremlin mill-proprja artijiet tar-Russja ftit ‘il ġewwa mill-fruntiera komuni….Sitwazzjoni li ‘il quddiem kapaċi tiftaħ front tal-gwerra ġdid, din id-darba f’zona tar-Russja, u fi żmien meta l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin riesqa lejn it-tieni sena ta’ dmija.
Is-servizzi sigrieti tal-Ukrajna issa kważi konfermaw mija-fil-mija li attakk bid-drones fuq bażi tal-ajru tal-qawwiet Russi fil-belt ta’ Pskov twettaq mill-artijiet tar-Russja, bl-iżvilupp qed iżid mal-inkwiet tat-Tmexxija f’Moska.
Jidher intant li fl-attakk inqerdu żewġ ajruplani tat-trasport tat-tip Ilyushin, b’żewġ ajruplani oħra jġarrbu l-ħsarat sinifikanti u li kienu konfermati anki mis-sorsi Russi.
Sadanittant, il-kelliema għall-Kremlin bl-ebda mod ma jridu jammettu li l-azzjoni inkwistjoni setgħet twettqet minn pajjiżhom. Dan ukoll meta kuljum qed ikunu sparati d-drones mill-Ukrajna lejn Moska u bliet oħrajn fir-Russja.
L-osservaturi kważi eskludew il-possibbiltà li l-attakk fuq dik il-bażi tar-Russi seta’ sar minn xi arma jew missila għal fuq id-distanzi twal – jiġifieri mill-artijiet tal-Ukrajna.
Dan minkejja li l-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-qawwiet tiegħu għandhom f’idejhom missila li kapaċi tolqot il-miri minn distanza ta’ 700 kilometru — bl-inħawi ta’ Pskov jinsabu proprju 700 kilometru ‘il bogħod mill-fruntiera tal-Ukrajna.
Għaldaqstant, is-sorsi Ukreni u oħrajn barranin qed jaqblu li l-attakk bid-drones fuq il-bażi seħħ ‘kważi bilfors’ mill-artijiet tar-Russja u meta fil-mira – minbarra l-ajruplani – kien hemm ukoll depot għat-tankijiet tal-fuel.
L-ajruplani li ntlaqtu kienu qed jintużaw għat-trasport tat-truppi u taqħmir militari għal fuq distanzi konsiderevoli u mhemmx dubju li kienu importanti ħafna għall-Armata ta’ Putin.
U għalkemm l-uffiċjali Ukreni kienu damu x-xhur ma jikkummentawx dwar l-attakki fl-artijiet tar-Russja qed jidher, issa, li din il-politika nbidlet, bl-awtoritajiet fi Kiev qed jidhru aktar disposti li jitkellmu fid-dettall dwar dawn l-azzjonijiet fi żmien meta l-qawwiet ta’ Zelensky qed ikomplu bil-kontro-offensiva bil-għan li jilliberaw lir-reġjuni Ukreni mill-okkupazzjoni tal-militar Russu.
//= $special ?>

