Formula 1 Sport

Lewis Hamilton iġedded il-kuntratt ma’ Mercedes

(Ritratt: EPA)

Is-seba’ darbiet champion tad-dinja ta’ Formula 1, il-Brittaniku Lewis Hamilton ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Mercedes b’sentejn oħra.

Hamilton qal li l-motivazzjoni tiegħu biex jibqa’ fil-Formula 1 kienet sempliċiment għaliex għad fadallu x’jista’ jikkontribwixxi u x’jista’ jirbaħ f’dan l-isport. Dan wara li Hamilton, kien ferm viċin li jirbaħ it-tmien titlu tiegħu fl-2021 fil-Grand Prix ta’ Abu Dhabi, fejn fl-aħħar dawra hu kien inqabeż minn Max Verstappen u tilef il-kampjonat fl-aħħar sekondi tat-tiġrija.

Fl-aħħar żewġ staġuni, Mercedes u Hamilton kienu dell ta’ dak li kienu fi staġuni passati hekk kif ma rnexxilhomx jikkompetu mal-qawwa ta’ Redbull u Verstappen għar-rebħ tal-kampjonat.

Hamilton huwa l-aktar sewwieq li rebaħ Grand Prix u Pole Positions fl-istorja tal –Formula 1, u se jkun qed iħares li jirbaħ titlu ieħor u jaqbeż lil Michael Schumacher bħala l-aktar sewwieq li rebaħ kampjonati fil-karriera tiegħu fil-Formula 1.