Hija kobba imħabbla li s’issa ħadd ma sab tarf tagħha.
L-akkużi huma serji. Chris Fearne dejjem ċaħadhom. Iżda sa issa, ħadd ma jaf min ħoloq din l-istorja fuqu. Speċjalment wara li l-awtur Mark Camilleri kien implika li din kienet inħolqot mil-Labour stess biex jattakkawh.
Fl-aħħar sigħat, is-sit EU Reporter ippubblika artiklu fejn indika li l-allegazzjoni oriġinali kienet ġejja minn sors fl-Ukrajna, illi ingħata dak li ġie deskritt bħala “dokument falz”.
S’issa għadu ħadd ma jaf jekk dan huwiex minnu. U jekk veru, min kien il-moħħ wara dan id-dokument falsifikat illi kien qed jimplika li Fearne daħħal 3.2 miljun ewro mill-bejgħ tal-passaporti…tramite it-tifla tal-id il-leminija tiegħu carmen Ciantar.
Dak iż-żmien, Carmen Ciantar kienet qalet li hi u bintha kienu vittmi ta’ frame-up li sar fuq Chris Fearne. U eventwalment….wara perijodu qasir awto-sospiża…hi kienet reġgħet daħlet lura fil-pożizzjoni tagħha bħala Kap tal-FMS.
Wara daż-żmien kollu ħadd mill-Partit Laburista ma ċaħad jew eskluda l-involviment ta’ Joseph Muscat, bħal ma ġie allegat mill-awtur Mark Camilleri. L-unika fatt ċert hu li skont Carmen Ciantar u Chris Fearne f’pajjiżna hawn l-hekk imsejħa forzi tad-dlamijiet; u sa issa, ħadd m’għandu idea f’hiex waslu l-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan il-każ.