“L-iskart organiku – il-borża l-bajda, meta tintela’, poġġiha ġol-friża, imbagħad toħroġha meta tiġi l-ġabra u hemmhekk l-problema tal-intiena tkun solvejtha.”
Din hija l-istqarrija li ġabet magħha mhux biss kritika enormi min-nies, iżda wkoll inkwiet kbir fost il-Ministri tal-Gvern. B’uħud minnhom ma jistgħux jifhmu kif Miriam Dalli qed tibqa’ tiddefendi dan il-pjan li ħareġ bih il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv.
Fil-fatt, din l-istqarrija biex inpoġġu l-borża tal-iskart fil-freezer ħolqot diżgwid enormi fost il-membri tal-Kabinett. B’sorsi ta’ Net News jikkonfermaw li hemm min ħadha qatta’ bla ħabel anke kontra Robert Abela li ma kienx ċar mill-ewwel – u fl-ebda ħin ma kkundanna dan il-pjan li qed isir bil-barka ta’ Miriam Dalli, sabiex il-Gvern jipprova jtaffi xi ftit mill-kriżi tal-iskart.
Iżda n-nies stess qed jgħidu li din il-proposta – li npoġġu ż-żibel fil-friża – mhu se ssolvi xejn mill-problemi preżenti; għaliex l-akbar issue hi marbuta mal-ġbir tal-iskart, illi mhux qed isir b’mod frekwenti minn naħa tal-Gvern. Bil-Kunsilli lokali jispiċċaw jaffaċjaw il-kritika intortament.
Fuq il-media soċjali, kien hemm baraxx ta’ kummenti li kritikaw il-fatt li l-Gvern qed jgħid lill-familji biex ipoġġu l-iskart organiku fil-freezer.
Ħafna kienu dawk li urew it-tħassib tagħhom għall-fatt li jekk se jitfgħu l-iskart organiku fil-freeżer, din mhux se tkun xi ħaġa iġenika peress li l-ikel u l-iskart se jkunu fl-istess post u għalhekk jista’ jkun hemm kontaminazzjoni.
Ma naqsux ukoll il-kummenti tan-nies dwar iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna hekk kif din ukoll qed tikkontribwixxi għaż-żieda ta’ skart u nuqqas ta’ ndafa madwar Malta u Għawdex.
B’oħrajn jikkummentaw li l-Gvern missu ħareġ b’soluzzjonijiet aħjar fosthom li l-iskart organiku jinġabar iktar ta’ spiss u mhux bil-prosposta tal-iffriżar tal-iskart.
Iżda jidher li l-Ministru responsabbli mill-iskart Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Alison Zerafa Civelli mhumiex aġġornati dwar kemm-il darba tinġabar il-borża l-bajda.
Dan hekk kif it-tnejn li huma qalu li fl-aħħar xhur żdiedet il-frekwenza tal-ġbir tal-isakrt organic. Iżda dan mhux minnu, għaliex fil-verità, din ilha ħames snin sħaħ tinġabar tliet darbiet fil-ġimgħa.