Internazzjonali

Il-militar Russu jkompli jsaħħaħ l-offensiva tiegħu

Skont uffiċjal Ukren u l-Institute for the Study of War, il-militari Russi saħħew l-offensiva tagħhom kontra l-kontro-offensiva tal-Ukreni.

Dan hekk kif skont rapporti tal-ISW, il-Kap tal-Inteliġenza militari Russu, Kyrylo Budanov, stqarr li r-Russja bagħtet iżjed membri tal-armata lejn lokalitajiet mhux magħrufa fin-nofsinhar tal-Ukrajna.

L-ISW kompliet tgħid li n-nuqqas ta’ riservi operattivi se ġġiegħel lir-Russi tagħmel rillokazzjoni tal-armata tagħha, filwaqt li se tkun qed tagħżel liem fruntiera se tkun qed tipprijoritizza.

Madanakollu, l-Ukrajna niżlet sensiela ta’ drones fir-reġjun ta’ Belgorod. Dan hekk kif l-Ukrajna saħħet l-offensiva tagħha, permezz ta’ żieda fl-użu ta’ drones fit-territorju Russu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-Russja introduċiet taħriġ militari għall-istudenti fil-Krimea.

Skont l-ombudsman Ukren, Dmytro Luninets, it-tfal tal-iskola fil-Krimea se jkunu qed jattendu dan it-taħriġ extrakurrikulari.

Dan wara li minn tal-inqas 25 għalliema mill-Krimea lestew taħriġ li jinkludi tattiċi fuq armi tan-nar, organizazzjoni ta’ kampijiet u użu ta’ apparat protettiv.

Intant, il-Fondazzjoni tal-Premju Nobel irtirat l-invit tagħha lir-Russja, il-Belarus u l-Iran għaċ-ċerimonja tal-premju nobel, fi Stokkolma.

Dan wara kritika qawwija mill-Ukrajna, hekk kif dawn it-tlett pajjiżi ma kinux mistiedna għaċ-ċerimonja tas-sena li għaddiet, wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Iżda din is-sena il-ħsieb inizjali kien li dawn ikunu mistiedna. 

L-Ukrajna, iddeskriviet din il-U-turn bħala rebħa għall-umanità kollha u rebħa favur il-paċi.

Fi stqarrija l-Fondazzjoni tal-Premju Nobel iddefendiet id-deċiżjoni li tistieden lir-Russja, il-Belarus u l-Iran, hekk kif qalet li huwa importanti li l-valuri u l-messaġġ tal-fondazzjoni tagħhom jintlaħaq madwar id-dinja kollha.

Il-fondazzjoni semmiet kif fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, intbagħat messaġġ politiku ċar lir-Russja hekk kif il-premju tal-paċi ingħata lill-protestanti kontra l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.