Koppja li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Sqallija waslet Malta bil-catamaran il-Ġimgħa filgħaxija fejn iż-żewġ persuni jinsabu rikoverati l-Isptar Mater Dei.
Dan filwaqt li żewġ nisa li weġġgħu serjament f’dan l-inċident għadhom rikoverati l-isptar fi Sqallija hekk kif qed jistennew li jiġu trasferiti Malta sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Dan wara li ġie rappurtat li ż-żewġ nisa sofrew ksur f’diversi partijiet minn ġisimhom u mistennija li jiġu operati malli jaslu l-Isptar Mater Dei.
Rapporti qalu li f’dan l-inċident ikrah waħda minn nisa sofriet ksur fil-minkeb u tinsab rikoverata fi sptar f’Ragusa filwaqt li l-mara l-oħra sofriet ksur f’ġenbejha u tinsab rikoverata fl-isptar ta’ Modica.
Apparti minn hekk, raġel li kien involut f’dan l-inċident mistenni li jitlaq minn Sqallija bil-Catamaran matul il-jum tas-Sibt u se jkun assistit minn ibnu. Dan filwaqt li raġel li ġie rilaxxat mill-isptar baqa’ xorta Sqallija fejn qed jakkumpanja lil martu; li hija waħda miż-żewġ nisa li sofriet ksur f’dan l-inċident.
Net News jista’ jikkonferma li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-vittmi, l-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei kif ukoll il-kumpaniji tal-assigurazzjoni sabiex jitħejja pjan dwar kif jista’ jsir trasferiment taż-żewġ nisa. Kollox qed jindika li dawn se jiġu trasferiri l-isptar Mater Dei permezz ta’ air ambulance peress li sofrew ksur.
Il-Maltin kienu jinsabu fuq vaganza fejn kienu qed jivvjaġġa f’vann… li baqa’ dieħel head-on f’karozza li fiha kien hemm 2 persuni barranin li wkoll sofrew xi ġrieħi f’dan l-inċident ikrah tant li persuna minnhom tinsab f’qagħda kritika.
//= $special ?>