Lokali

L-INĊIDENT FI SQALLIJA: “Ma sibt l-ebda għajnuna mill-Gvern”

“Ħadt kollox ħsieb jien u baqa’ żewġ persuni li għandhom bżonn il-kura fl-Isptar Mater Dei filwaqt li l-Awtoritajiet Maltin qed ituni bis-sieq.”

Dan sostnieh f’post fuq il-midja soċjali wieħed mill-qraba tal-Maltin li kienu involuti f’inċident frontali li seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar fi Sqallija.

Jidher li dak li kollu li ġie rrappurtat dwar dan l-inċident mhux minnu hekk kif f’kummenti ma’ Net News ir-raġel qal li ma kellu l-ebda għajnuna mill-Gvern filwaqt li kellu jagħmel kollox minn jeddu. Madanakollu huwa qal li kellu kuntatt ma’ persuna li taħdem fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Apparti minn hekk, ir-raġel qal ukoll li preżentament żewġ minn nies għadhom Sqallija jistennew li jinġiebu Maltija sabiex jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei. Dan hekk kif dawn iż-żewġ persuni jinsabu f’uġigħ kbir hekk kif sofrew ksur f’diversi partijiet f’ġisimhom u għalhekk għandhom bżonn jiġu operati b’mod immedjat.

Huwa sostna li kien qed jistenna għajnuna minn naħa tal-Gvern sabiex il-Maltin jinġiebu lura b’mod immedjat iżda fir-realtà kellu jieħu ħsieb kollox hu.

U allura jidher li dak li intqal waqt l-aħbarijiet tat-TVM fuq ix-xandir nazzjonali mhuwiex minnu hekk kif waqt il-bullettin tal-Ġimgħa filgħaxija intqal li l-vittmi se jinġiebu lura Malta fis-sigħat li ġejjin iżda fir-realtà tnejn minnhom għadhom fi sptar Sqallija.