Nottingham Forest v Chelsea 1-0
Rebħa sorprendenti ta’ 1-0 għal Nottingham Forest kontra Chelsea fi Stamford Bridge.
Il-gowl tar-rebħa wasal mill-akkwist il-ġdid Anthony Elanga ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima meta l-attakkant laterali għeleb lil Sanchez b’xutt angolat fir-rokna t’isfel tal-lemin mis-suġġeriment ta’ Taiwo Awoniyi.
Riżultat diżappuntanti għal Chelsea hekk kif wara 4 logħbiet fil-kampjonet akkumulaw biss 4 punti, fejn s’issa jidher minkejja t-tibdil fit-tmexxija l-Blues m’humiex juru forma aħjar mill-istaġun preċedenti.
Burnley v Tottenham Hotspur 2-5
Tottenham Hotspur kisbu rebħa konvinċenti kontra Burnley ta’ 5-2 fit-Turf Moor Stadium. Hattrick ta’ Son Heung Min kien deċiżiv fir-rebħa tat-tim tiegħu.
Bide pożittiv ħafna għall-kowċ il-ġdid Ange Postecoglou u għat-tim tiegħu hekk kif fl-ewwel 4 partiti tal-kampjonat għadhom ma’ tilfux partita u ġabru 10 punti.
Kienu propja Burnley li fetħu l-iskor l-ewwel wara biss 4 minuti logħob permezz ta’ Lyle Foster li sab ix-xibka b’konklużjoni bix-xellug minn ġol kaxxa ż-żgħira mill-pass ta’ Koleosho.
Tottenham ma damux ma rrispondew lura hekk kif kisbu d-draw ftit minuti wara permezz ta’ Son Heung-Min minn suġġeriment tal-akkwist il-ġdid Solomon.
Spurs marru minn fuq għall-ewwel darba fil-partita ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz tad-difensur ċentrali Cristian Romero meta għeleb lill-goalkeeper Trafford b’konklużjoni mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ‘l kbira.
Fil-54 minuta Tottenham irduppjaw l-iskor permezz ta’ gowl ieħor minn barra l-kaxxa ‘l kbira din id-darba jasal minn James Maddison mis-suġġeriment tad-difensur laterali Udogie.
Żewġ gowls ta’ Son Heung-Min f’temp ta’ tlett minuti għalqu l-logħba għal Tottenham. It-tieni gowl personali tal-attakkat wasal fit-63 minuta mit-tieni suġġeriment ta’ Solomon. Son kiseb l-ewwel hattrick tal-istaġun fis-66 minuta b’konklużjoni bix-xellug tispiċċa fir-rokna t’isfel tax-xellug mill-pass twil tad-difensur laterali Pedro Porro,
Ftit minuti qabel l-aħħar tisfira Josh Brownhill sab ix-xibka għal Burnley għal gowl ta’ konsolazzjoni.
Manchester City v Fulham 5-1
Riżultat simili tal-partita bejn Tottenham u Burnley, Manchester City ħarġu rebbieħa fil-konfront tagħhom kontra Fulham fl-Etihad Stadium bla ebda diffikultà f’rebħa ta’ 5-1. Hattrick ieħor għal Erling Haaland biex b’hekk tela’ fl-ewwel post fil-klassifika tal-aqwa skorers b’6 gowls f’4 logħbiet.
Prestazzjoni tajba mill-attakkant Julian Alvarez u Erling Haaland, fejn ħadmu tajjeb flimkien f’waħda mill-ewwel partiti tagħhom flimkien f’esperiment klassiku ta’ Pep Guardiola.
Manchester City damu sal-31 minuta sabiex fetħu l-iskor, b’Julian Alvarez jegħleb lil Leno minn suġġeriment ta’ Haaland.
Fulham ħasdu lill-avversarji tagħhom meta kisbu d-draw żewġ minuti wara permezz ta’ Tim Ream b’xutt bix-xellug mill-viċin jegħleb lil Ederson.
Manchester City daħlu għal ħin tal-mistrieħ fil-vantaġġ hekk kif Nathan Ake sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras mill-viċin minn kross ta’ Foden.
Erling Haaland sab ix-xibka għall-ewwel gowl tiegħu fil-partita b’konklużjoni kalma fil-kaxxa bix-xellug.
Fis-70 minuta gowl ieħor għal Erling Haaland din id-darba jasal minn penalty minn foul kommess mid-difensur ċentrali ta’ Fulham Issa Diop.
Ftit minuti qabel tmiem il-partita Erling Haaland ikkonkluda l-hattrick tiegħu b’konklużjoni oħra bix-xellug minn pass ta’ Sergio Gomez.
Sheffield United v Everton 2-2
Everton u Sheffield United kisbu l-ewwel punt tagħhom fil-kampjonat wara li temmew f’parità ta’ 2-2.
Riżultat li fil-verita ma jissodisfa lil ħadd hekk kif iż-żewġ timijiet qed ifittxu li jiksbu l-ewwel rebħa tagħhom u jinqalgħu mill-forma ħażina li għaddejin minnha.
Abdoulaye Doucoure fetaħ l-iskor għal Everton wara 14-il minuta logħob meta għeleb lil Foderingham bix-xellug.
Sheffield għamlu l-iskor indaqs fit-33 minuta permezz ta’ Cameron Archer mill-pass ta’ McBurnie.
Sheffield marru fil-vantaġġ ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ auto-gowl tal-goalkeeper Jordan Pickford.
Fil-55 minuta Everto kisbu d-draw permezz tal-attakkant laterali Arnaut Danjuma li sab ix-xibka mill-viċin mill-kross preċiż ta’ Patterson.
Brentford v Bournemouth 2-2
Draw ieħor ta’ 2-2 din id-darba bejn Brentford u Bournemouth fil-Gtech Community Stadium.
Gowl fl-aħħar minuti ta’ Mbeumo ċaħad lil Bournemouth mill-ewwel tlett punti tagħhom f’dan l-istaġun.
Matthias Jensen ikkonverta l-freekick tiegħu fis-seba’ minuta sabiex fetaħ l-iskor għal Brentford.
Bournemouth għamlu l-iskor indaqs wara nofsija logħob permezz ta’ Dominic Solanke li sab ix-xibka b’konklużjoni mil-lemin, suġġeriment ta’ Senesi.
Fis-77 minuta David Brooks niżżel ismu mal-iskorers u ta l-vantaġġ momentarju għal Bournemouth.
Bryan Mbeumo kiseb id-draw ftit minuti qabel l-aħħar tisfira sabiex salva punt għal Brentford.
Brighton v Newcastle United 3-1
Hattrick tal-attakkant Irlandiż Evan Ferguson tat ir-rebħa lil Brighton kontra Newcastle United.
L-ewwel gowl tal-attakkant wasal wara 27 minuta logħob b’konklużjoni ċentrali.
Is-seagulls damu sal-65 minuta sabiex irduppjaw l-iskor, bl-istess Ferguson jixħet ġewwa mill-pass ta’ Gilmour.
Ferguson kiseb il-hattrick tiegħu 5 minuti wara b’xutt minn barra l-kaxxa mill-pass ta’ mitoma.
Fit-92 minuta Callum Wilson ikkonkluda fix-xibka għal l-unika gowl ta’ Newcastle fil-partita.
RIŻULTATI U LOGĦOB LI JMISS:
Il-Ġimgħa: Luton Town v West Ham U. 1-2
Illum: Sheffield United v Everton 2-2, Manchester City v Fulham 5-1, Chelsea v Nottingham Forest 0-1, Burnley v Tottenham Hotspur 2-5, Brentford v Bournemouth 2-2, Brighton v Newcastle United 3-1
Għada: Crystal Palace v Wolves 3:00pm, Liverpool v Aston Villa 3:00pm, Arsenal v Manchester United. 5:30pm