Lokali Qorti

Olandiż iwieġeb mhux ħati li prova jesporta numru ta’ għasafar ibbalzmati mingħajr permessi

Passiġġier ta’ 68 sena mill-Olanda tressaq il-Qorti is-Sibt filgħodu wara li nstab li fil-pussess tiegħu kellu numru ta’ għasafar ibbalzmati, mingħajr il-permessi neċessarji waqt spezzjoni mill-kontroll tas-sigurtà fl-Ajruport Internazjonali ta’ Malta.

Ir-raġel suspettat li allegatament huwa involut f’negozju illegali internazzjonali, li kien fi triqtu lejn l-Ingilterra, ġie spezzjoniat mill-Uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, flimkien mad-dwana, spezzjoni li żvelat li r-raġel li kien qed iżomm kaxxa, kellu numru ta’ tajr ibbalzmati fil-pussess tiegħu mingħajr il-permessi neċessarji.

Mit-tfittxija nstab li fil-kaxxa kienu jinsabu 15-il għasfur ta’ speċi differenti. 13 mill-ispeċi li nstabu fil-pussess tiegħu huma protetti taħt il-Liġi Internazzjonali.

Hu deher quddiem il-Maġistrat Joseph Grech, fejn wieġeb mhux ħati. Ir-raġel inżamm arestat. Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejin.