Lokali

Aktar diżgwid fit-tmexxija tal-Partit Laburista

Injorata t-Tmexxija tal-PL u jimxi fuq il-pariri tal-Kitchen Cabinet

Tkompli taggrava s-sitwazzjoni fit-Tmexxija tal-Partit Laburista fejn Robert Abela qiegħed jinjora u jwarrab lil dawk involuti fit-Tmexxija tal-Partit u li huma stazzjonati fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista (ĊNL) fil-Ħamrun.

Minflok Robert Abela għandu Kitchen Cabinet b’nies ’il barra minn kull involviment tal-Partit u dak li jgħidulu huma jqisu bħala vanġelu u jimxi fuqu.

Din hi sitwazzjoni perikoluża ħafna li qegħda ddarras lil dawk fit-Tmexxija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista sal-punt li mhux biss qegħdin iħossuhom mhux parteċipi f’dak li jkun qiegħed isir u jseħħ, iżda sal-punt li anqas ikunu jafu x’qiegħed jinħema.

‘Ġurdien Xiħ’ fil-Partit Laburista u li kiseb fiduċja fir-rapportaġġ tagħna sal-punt li beda jagħmel kuntatt ma’ Il-Mument, qal li d-diviżjoni bejn dawk ta’ Kastilja madwar Robert Abela u dawk fit-Tmexxija tal-Partit fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun hi evidenti u tinħass ħafna. Sad-delegati tal-Partit qegħdin iħossu din il-qasma u joqogħdu attenti lil min ikellmu u lil min javviċinaw.

“Għaliex l-alla ta’ Robert Abela llum mhumiex dawk fit-Tmexxija tal-Partit Laburista fil-Ħamrun jew fil-Marsa, iżda nies oħra bħal Johann Grech, Ryan Spagnol, Aleander Balzan, Tony Sultana, Kurt Farrugia (għalkemm dwar dan hemm min jgħid li baqa’ widna ta’ Joseph Muscat) “u xi tnejn oħra li għadni ma skoprejtx min huma”.

Qalilna ‘Ġurdien Xiħ’ li ta’ Kastilja, pereżempju, ma jafdaw xejn lil Ramona Attard li tħobb tilgħab il-logħob u tqabbel fejn jaqblilha. “Daqqa ma’ ta’ Robert Abela għaliex ikun jaqblilha hekk. Daqqa ma’ ta’ Joseph Muscat jekk tkun qiegħda titkellem ma’ ta’ Joseph Muscat. Ma toħdilhiex kopja. U allura ta’ Kastilja ma jafdawhiex.

“Kif ma jafdawx ukoll lil Randolph de Battista li b’ċerti manuvri li seħħew minn Kastilja fil-ġimgħat li għaddew dwar kandidaturi għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej għall-Parlament Ewropew urta ruħu sew u skont ta’ Kastilja parla xi ftit iżżejjed,” qalilna l-‘Ġurdien Xiħ’ li hu tassew infurmat b’dak kollu li jkun qiegħed iseħħ f’ċerti ċrieki.

Żied jgħid li allura Robert Abela, biex la jfuħ u anqas jinten ma’ dawk taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li jqis li ma jistax jafdahom mija fil-mija, għaqqad grupp ta’ persuni oħra lil hinn mill-Partit u qiegħed jikkosulta magħhom spiss mhux biss dak li jkun qiegħed jingħad fil-midja soċjali u fil-ġurnali – u l-aħbarijiet ta’ Il-Mument jagħtuh ġewwa tassew – iżda wkoll il-programm ta’ politika li jkun irid jattwa.

Dan qiegħed jagħmlu għaliex ħarxa kienet il-kritika fil-konfront tiegħu li saret kemm fir-rigward tal-balbuljata li għamel dwar l-Abbozz ta’ Liġi fir-rigward tad-dħul tal-Abort, iżda agħar kienet it-tgħaffiġa kbira fir-rigward tal-Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ‘Jean Paul Sofia’.

Jidher li ta’ madwaru issa jridu li Robert Abela ma jibqax assoċjat ma’ dawn il-fares li ġabu kriżi kbira kaġun tar-ras iebsa tiegħu, iżda jridu li Robert Abela jibda jipproġetta lilu nnifsu b’mod ħafna differenti.

Fost l-oħrajn il-pariri huma fis-sens li ma jkunx spiss fuq l-istazzjon One biex jagħti dehra ġdida lilu nnifsu. Li jiffaċċja inqas lill-midja għaliex dan l-aħħar irnexxielu joħroġ ħażin kull darba li tkellem. Allura jridu minflok li jinżel aktar fit-toroq u jitħallat aktar man-nies… proprju kif għamel bħal-lum ġimgħa meta żar il-lokalità ta’ Ħal Safi waqt il-festa tal-parroċċa.

Li hu żgur hu li l-fama ta’ Robert Abela li jiġi jaqa’ u jqum min-nies u li moħħu hu fuq il-jott lussuż tiegħu għamlitlu ħafna ħsara u l-Kitchen Cabinet irid li b’xi mod isewwi din l-idea li issa daħlet f’moħħ kulħadd… anki għaliex ta’ madwaru stess iżda li huma kontra tiegħu, qegħdin irewħu dawn il-fatti u jxerrduha mad-delegati li l-Partit Laburista għandu bżonn Mexxej mhux imfissed iżda ta’ kalibru.

Robert Abela llum hu ltim mill-fiduċja tal-membri kollha tal-Kabinett tal-Ministri u saħansitra mill-membri kollha tal-Grupp Parlamentari Laburista li fl-aħħar ġimgħat reġa’ daħak b’uħud minnhom billi wegħedhom karigi u sal-lum ma semgħu xejn ġdid.

Imbagħad għandu d-dudu f’moħħu dwar x’qiegħed jiġri fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u fil-binja tal-istazzjon fil-Marsa fejn spiss id-diskors jaqa’ fuqu!

Allura Robert Abela fl-aħħar ġimgħat beda jsib refuġju fi grupp ta’ persuni li qegħdin jiffurmaw il-Kitchen Cabinet tiegħu. Illum nistgħu nżivelaw dawk li qegħdin jiffurmaw il-grupp ristrett.

Fost l-akbar  manuvri li seħħew fl-aħħar jiem fil-konfront ta’ Robert Abela kien hemm il-leak mill-aktar sensittiv minn ġol-Kabinett stess. Min-naħa tiegħu Robert Abela m’għadu jafda kważi lil ħadd. Tant hu hekk m’hemm l-ebda ministru jew ministru anzjan u anqas membri mill-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista.

Dan li-grupp li qiegħed jiltaqa’ ta’ spiss Kastilja, inkluż sa dil-ġimgħa stess, jinkludi lil Johann Grech li hu l-Kummissarju tal-Films (u li dwaru wkoll qed tintalab investigazzjoni minħabba t-tberbiq bl-addoċċ ta’ miljuni ta’ ewro); Ryan Spagnol li hu s-Segretarju tal-Kabinett; Aleander Balzan li hu Konsulent ta’ Robert Abela; Tony Sultana li hu l-Kap taċ-Ċivil u li xi drabi jiddarras b’ċerti affarijiet xejn korretti li jseħħu madwaru jew li jitwasslulu; Kurt Farrugia li kien imexxi l-midja tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u li għadu qrib tiegħu; u Arron  Grech li jaħdem bħala uffiċjal maniġerjali fil-Bank Ċentrali.