Lokali

Frodi tal-benefiċċji soċjali – implikati Kastilja u Owen Bonnici

Il-gazzetta Sunday Times of Malta żvelat li mix-xhieda li semgħet il-Pulizija … bosta qed jimplikaw lill-customer care ta’ Kastilja kif ukoll lill-Ministru Owen Bonnici f’każ serju ta’ frodi.

Dan wara li l-eks backbencher Laburista, li rriżenja lura fl-2021, Silvio Grixti qed jissemma’ bħala l-persuna li għal snin sħaħ għen lil mijiet ta’ nies sabiex jirċievu benefiċċji ta’ diżabilità li ma kinux intitolati għalihom – flus li daħħlu fil-but tagħhhom  kull xahar, b’mod frawdolenti

It-Times rat evidenza illi tindika li Grixti, li huwa tabib tal-familja, ipprovda dokumenti mediċi foloz lil persuni, li ġeneralment ġejjin minn distretti meqjusa bħala Laburisti sabiex jirċievu ħlas ta’ madwar €450 fix-xahar f’benefiċċji soċjali; racket li ssokta anke fl-2020, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.

Diversi persuni spjegaw illi kienu uffiċjali tal-customer care mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li rreferewhom għand Grixti. Dan filwaqt li kien hemm persuna li allegat ukoll illi l-Ministru Owen Bonnici rreferiha għal Silvio Grixti; madanakollu meta kkuntattjat mill-ġurnalisti, Bonnici s’intendi ċaħad u insista li din hija gidba.

Hekk ukoll saħqu kelliema għall-OPM illi insistu li din hija fabbrikazzjoni assoluta…minkejja d-diversi xhieda li nstemgħu quddiem il-Pulizija. U minkejja li t-Times għandha dokumenti, bi provi iswed fuq l-abjad.

Fost il-persuni imsemmija li rreferewhom għal għand Silvio Grixti hemm ukoll l-eks Membru Parlamentari Silvio Parnis.

Jidher li dan ir-racket ilu sejjer għall-aħħar 10 snin ta’ Gvern tal-Labour…u ħadd qatt indendja ruħu jieħu passi legali. Sorsi qrib l-investigazzjoni żvelaw li mhux qed jiġi eskluż li minn dan kollu kien hemm xi persuni li rċevew flus bħala kickbacks.

Fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija bdiet tressaq xi persuni akkużati li ffrodaw il-Gvern f’benefiċċji soċjali – iżda fix-xhieda tagħhom mal-Pulizija qed jisħqu li kienu l-uffiċjali tal-Gvern jew saħansitra persuni f’karigi għoljin qrib il-Kabinett ta’ Abela li rreferewhom biex jieħdu dawn il-benefiċċji soċjali. 

Sa issa kull min huwa implikat qiegħed jiċħad l-involviment tiegħu f’dan l-iskandlu, wieħed minn ħafna, li fih hemm allegatament involut direttament Ministru attwali u l-uffiċċju tal-Prim Ministru nnifsu. Skandlu ta’ frodi istituzzjonalizzat minn but il-familji Maltin u Għawdxin.