Lokali

“Hemm bżonn li nsibu aktar lil xulxin – il-Knisja għandha u tista’ tagħmel ħafna” – L-Isqof Anton Teuma

L-Isqof t’Għawdex Mons. Teuma jisħaq dwar il-bżonn ta’ aktar wisa’ għaż-żgħażagħ

“Li tattendi għal avvenimenti bħal dawn dejjem tkun esperjenza li tixxokkjak f’sens pożittiv – kull darba li attendejt għall-World Youth Day ninduna kemm fl-aħħar mill-aħħar l-ispirtu ta’ Alla huwa qawwi.”

Sostna dan l-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Anton Teuma meta f’intervista ma’ Net News tkellem dwar iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li kellhom esperjenza fil-Portugal għall-Jum Dinji taz-zghazagh…u l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja attendew għal 6 ijiem ta’ ċelebrazzjonijiet f’Lisbona fil-preżenza tal-Papa Franġisku – b’dan tal-aħħar iħabbar li l-World Youth Day li jmiss, fl-2027 se tkun qed tiġi organizzata fil-Korea t’Isfel.

B’rabta ma’ dan, l-Isqof Teuma sostna li b’tali għażla l-Papa jkun dejjem qiegħed ifittex opportunità fejn aktar nies ikunu jistgħu jiltaqgħu mal-kelma ta’ Ġesù…u dan ifisser li aktar milli kien pass ta’ spiritwalità, kien wieħed uman.

“Din l-okkażjoni ta’ tħalit bejn iż-żgħażagħ ta’ diversi kulturi u ideat tista’ tkun ta’ ġid mhux biss għaż-żgħażagħ tal-Korea imma wkoll għal dawk Ewropej, għalina. Inħoss li aħna mhux biss għandna x’natu imma x’nieħdu u x’nitgħallmu.”

L-Isqof Anton Teuma sostna li l-560 żagħżugħ u żagħżugħa Maltin u Għawdxin li attendew għal din il-festa f’Lisbona ma kienux hemm għal vaganza għaliex ċertament ħabtu wiċċhom ma sfidi varji; iżda l-għaqda bejniethom waslithom għal ferħ kbir.

Mistoqsi x’qed tagħmel il-knisja f’pajjiżna sabiex tibqa’ friska qalb iż-żgħażagħ, l-Isqof Teuma stqarr li bħala knisja jridu jadħmu aktar, inkluż hu – fejn saħaq li forsi f’xi waqtiet l-element tal-adult jirbaħ fuq dak żagħżugħ.

“Qisu din il-mentalità speċi li aħna l-maturi, l-adulti..inħossha li inkonxjament aktar milli konxjament tirkibna ftit. U ma nagħtux, jew aħjar ma nagħtix ħa nitkellem fuqi – ma nagħtix wisa’ biżżejjed għal dan l-element żgħażugħ fil-Knisja. Inħoss li għandi nkun aktar hemm.”

Huwa insista illi jemmen li ż-żgħażagħ għandhom għatx għall-paċi u l-hena iżda hemm bżonn li l-Knisja tiprova tasal aktar għandhom.

“Il-Knisja, jien, għandna bżonn nagħmlu ftit aktar outreach u ngħinuhom jedukaw id-“domanda”. Id-domanda tal-ferħ tagħhom, id-domanda li jinsa kollox, li ma jiftakarx fil-problemi tiegħu, il-ġenituri, il-mard li għandhom id-dar…dik id-domanda rrid nedukaha jien għaliex hu qiegħed ifittex paċi aktar profonda.”

L-Isqof Anton Teuma saħaq li ż-żgħażagħ preżentament qed jiltaqgħu ma’ diversi sfidi, iżda ħafna minnhom jinbtu mit-tfulija – u insista li l-adulti għandhom id-dmir li jagħtuhom iċ-ċertezza li hawn post għalihom f’din id-dinja sabiex wara perjodu ta’ ribeljoni…jimmaturaw f’adulti ta’ eżempju.

Madanakollu preċiża jgħid li irridu nkunu konxji mhux biss fuq iż-żgħażagħ iżda fuq kull faxxa oħra tas-soċjeta taghna.

“Qisu aħna l-adulti natu ħafna kas ta’ dawn il-faxex li huma xi ftit jew wisq fraġli fis-soċjetà; għandek iż-żgħożija, l-adolexxenza, tfal, l-anzjani. Nibża’ li kważi kważi ħloqna dinja li hija adattata għal nies bejn it-30 u 35 u 70 sena, l-oħrajn ta’ qabel u ta’ wara qishom ma jeżistux.”

Ma’ Net News, Monsinjur Teuma tkellem dwar ill-ħtieġa li fi żmien ta’ turbolenza l-bniedem isib lilu nnifsu u jkollu kapaċità li jieqaf u jirrifletti.

Madanakollu stqarr li f’dawn iż-żminijiet għandna bżonn ta’ aktar kuntatt mhux biss magħna nfusna iżda wkoll bħala grupp…il-bżonn enormi li nkunu hemm għal ħaddieħor.

“Hemm bżonn tal-grupp, tal-komunjoni b’mod speċjali fi żmienna. Qed ngħixu fi żmien fejn kulħadd jaħseb għalih nnifsu – forsi anke l-istess pandemija ġabitna hekk. Imma għandna bżonn insibu ftit aktar lil xulxin u r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Inħoss li l-Knisja hawnhekk għandha u tista’ tagħmel ħafna – li toħloq realtajiet toħloq okkażjonijiet fejn in-nies ikunu jistgħu jiltaqgħu xi drabi fuq livell soċjali u fuq livell uman.”