“Il-bini bla rażan u ż-żibel se jwasslu għal splużjoni fil-popolazzjoni ta’ wirdien u ġrieden”
Dan qalu Arnold Sciberras, naturalist u espert fil-qasam tal-kontroll tal-pesti, waqt intervista mal-gazzetta Illum, fejn sostna li l-mod ta’ kif qed ngħixu fis-soċjetà Maltija qed jiffaċilità tkabbir qawwi fil-popolazzjoni ta’ speċi problematiċi li qed tiżdied b’mod allarmanti minn ħin għal ieħor.
Sciberras saħaq li s-siti ta’ kostruzzjoni jipprovdu kundizzjonijiet ideali sabiex il-wirdien ikabbru l-popolazzjoni tagħhom, u jekk ħadd ma jieħu azzjoni, jispiċċaw fid-djar tan-nies.
Dan apparti li n-nuqqas ta’ pjanar fis-sistema tad-drains u drenaġġ huwa fattur ieħor li jżied f’din il-problema, skont Sciberras.
Minn naħa l-oħra, l-ammont kbir ta’ żibel li qed jitħalla mitluq fit-toroq Maltin għaliex mhux jinġabar fil-ħin qed jikkawża tkabbir fil-popolazzjoni tal-ġrieden – u fi kliem Sciberras din il-problema eskalat sew fl-aħħar ġimgħat f’ċertu lokalitajiet fejn jgħixu numru kbir ta’ turisti u barannin, fosthom f’San Ġiljan, Swieqi u f’Tas-Sliema.
Arnold Sciberras sostna li għalkemm hu flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji ta’ kontroll tal-pesti ilhom żmien twil jillmentaw fuq din il-problema, b’dispjaċir innota li l-awtoritajiet tal-Gvern mhux jgħinu fil-mitigazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet, għaliex il-programm tal-Gvern għat-trazzin fil-popolazzjoni ta’ ċertu speċi fosthom tal-ħamiem salvaġġ twaqqaf ħesrem.
Sciberras tenna li il-ħamiem għandhom kapaċità kbira li jmexxu l-mard apparti li bil-ħmieġ tagħhom kapaċi jikkawżaw ħsarat kbar fuq il-proprjetajiet.
L-espert fil-qasam tal-kontroll tal-pesti insista li jekk il-Gvern ma jieħux azzjoni immedjata, dan ser ikun ta’ detriment kbir għal speċi oħra li huma kruċjali għall-ekosistema tal-pajjiż, apparti li jinħolqu wkoll problemi għal eluf ta’ residenti Maltin.
//= $special ?>