Lokali

Il-Gvern ta’ Abela għażel lill-barrani minflok lill-Maltin

Id-disinn u l-binja tal-Isptar Sir Anthony Mamo.

Iċ-Ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid jew tliet skejjel tal-primarja.

Jew 13-il magna tal-MRI.

Dawn huma uħud minn 10 proġetti li setgħu saru kieku ma ngħatawx il-miljuni ta’ ewro lil kumpanija ta’ Gladiator… stimi li saru minn The Malta Indipendent on Sunday.

Dan apparti l-fatt li l-ammont ta’ €46.7 miljun li ngħataw lill-kumpanija Paramount Studios jaqbeż sew l-ammont ta’ finanzi li l-Ministru tal-Ġustizzja, il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Ministru tal-Ippjanar kienu ngħataw fil-budget ta’ din is-sena.

U filwaqt li dawn il-minitri kollha ħadu finanzi ferm iktar milli pjanat lilhom, sadanittant, l-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia, uriet li l-Awtorità li tirregola l-Industrija tal-Kostruzzjoni u Sigurta fuq il-post tax-xogħol kienu talbu għall-aktar fondi pero dawn ma kienux ingħataw.

Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li dan il-film ġie jiswa lil pajjiżna iktar mid-diżinn u l-binja tal-Isptar Sir Anthony Mamo Oncology Centre, li kien beda fl-2010 u spiċċa fl-2016, hekk kif dan kollu kien sewa €32.9 miljun. Dan filwaqt li l-bini taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid flimkien mal-magni kollha neċċesarji sewa €40 miljun… f’kelma oħra, film wieħed maħdum f’pajjiżna ġie jiswa kważi €14 miljun iktar mill-Isptar tal-Onkoloġija u €7 miljun iktar minn ċentru tas-saħħa.

Miljuni ta’ ewro li marru għal Gladiator meta l-iktar magna riċenti tal-MRI tmur lura għal Novembru tal-2020. Magna li llum il-ġurnata ġiet kważi kważi out-dated hekk kif it-tekonoloġija qed tavvanza b’rata maġgħla. U dan meta l-Gvern ta’ Robert Abela seta’ xtara mat-13-il magna ġdida tal-MRI mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Proġett ieħor li sewwa inqas minn €46.7 miljun huwa l-proġett Shore-to-Ship li minnu bbenefikaw ħafna nies li joqgħodu viċin ta’ fejn jifqgħu il-vapuri kbar tal-Cruise liners fejn dawn ikunu jistgħu jitfgħu l-magni tagħom li jaħdmu bil-heavy fuel oil u minflok jħaddmu il-magni tal-vapuri max-xatt.

U l-Gvern, minflok, seta’ nefaq dan l-ammont fuq żewġ proġetti infrastruturali hekk kif il-proġetti tas-Central Link u tal-Imsida Creek, flimkien ma jaqbżux l-ammont ta’ €28 miljun.

Proġett ieħor li seta’ sar b’dawn il-flus huwa il-proġett ta’ tisbih ambjentali li kellu jsir fit-Triq Reġjonali għal €35 miljun… wiegħda li ilha ssir mill-2018 iżda 5 snin wara għadna ma rajna l-ebda tisbih ambjentali f’din iz-zona.

Fil-fatt, il-Gvern Laburista sab il-miljuni ta’ ewro għal mijiet ta’ atturi u professjonisti barranin, iżda nesa kompletament lill-poplu Malti u Għawdxi li eleġġih fl-aħħar elezzjoni, bil-pajjiż jitħalla f’telqa kbira, bla ebda soluzzjoni minn Robert Abela u sħabu.