Dak li ġara fil-jiem li għaddew fis-sensiela ta’ msiemer f’għadd infinit imdaħħla fit-tebut politiku ta’ Robert Abela – ċioè l-leaks ta’ dokumenti mill-Kabinett tal-Ministri u d-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant li Robert Abela jrid jintaxxa l-karozzi u s-sewqan – qegħdin ikomplu jagħmlu minn ta’ Kastilja passatur ta’ veru fejn kulma jinħema qiegħed jispiċċa fil-midja l-għada.
U llum Il-Mument hi f’pożizzjoni li tiżvela kif il-preparamenti għall-Baġit tas-sena d-dieħla jinsabu fi stadju avvanzat iżda b’enfasi fuq il-kosmetika u l-marketing ħalli l-poplu– lejliet l-elezzjonijiet ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla – jingħata stampa sabiħa u pożittiva tal-operat tal-Gvern meta fil-verità d-djun qegħdin ikomplu jisplodu u s-sitwazzjoni sejra minn ħażin għall-agħar.
Żgur li fi fid-Diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla l-Ministru Clyde Caruana mhux se jitħalla jgħid li kull ġimgħa pajjiżna qiegħed iħallas mal-€4 miljun f’interessi fuq id-dejn dejjem jikber tal-Gvern ta’ Robert Abela.
Żgur li l-Ministru Clyde Caruana fid-Diskors tal-Baġit mhux se jitħalla jgħid li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, sal-aħħar ta’ Lulju li għadda d-dejn tal-pajjiż kien ta’ madwar €9.4 biljun, u li aktar minn terz ta’ dan id-dejn sar minn meta Robert Abela daħal f’Kastilja.
Anqas il-Ministru Clyde Caruana mhu se jitħalla jgħid fid-Diskors tal-Baġit li d-dejn hu mażżra ma’ wlied dan il-pajjiż u l-ġenerazzjonijiet futuri u li hi ħasra li flus il-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ!
Kif mhux se jitħalla jgħid x’miżuri l-Gvern Laburista qiegħed jaħmi u jippjana biex jindirizza kwistjonijiet bħal dik tat-traffiku u dik tal-karozzi dejjem jiżdiedu fit-toroq grazzi għall-isplużjoni fil-popolazzjoni li l-Gvern Laburista rnexxielu jagħmel.
Allura f’nofs din il-ġimgħa kien Alfred Sant li f’ġurnal bl-Ingliż – f’opinjoni tiegħu – żvela kif qegħdin isiru diskussjonijiet interni fil-Gvern biex jiddaħħlu miżuri fejn il-karozzi jkunu intaxxati… kemm jekk dawn importati ġodda minn barra u jekk importati second hand.
Jirriżulta wkoll li internament fil-Gvern ta’ Robert Abela qegħda ssir diskussjoni wkoll biex tiddaħħal xi forma ta’ taxxa ġdida abbinata mas-sewqan. Dwar din it-taxxa għad m’hemmx definizzjoni finali mill-Gvern, iżda li hu fiċ-ċert hu li l-problema tat-traffiku fit-toroq kompliet tikber u l-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jidher aktar ikrah u inkompetenti.
Issa hu l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela li qiegħed jirċievi kritika qawwija u ħarxa li sa issa ma kien kapaċi jagħmel xejn effettiv biex jindirizza din is-sitwazzjoni reali li l-Maltin jgħixu ta’ kuljum.
Għalhekk il-Gvern Laburista għaddej bi pjani biex finalment il-karozzi importati ġodda u dawk second hand jispiċċaw jogħlew fil-prezz darba jsibu ruħhom fis-suq Malti u, it-tieni, biex anki s-sewqan jispiċċa intaxxat ukoll. Dan kollu hu mmirat biex il-karozzi u s-sewqan isiru qishom xi lussu ta’ barra minn hawn!
Naturalment iż-żmien għal tali taxxi ġodda żgur li mhux ideali għal Robert Abela proprju lejliet l-elezzjonijiet ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla iżda kollox jindika li l-Kitchen Cabinet qiegħed jinsisti li tali miżuri għandhom jiddaħħlu issa qabel dawn l-elezzjonijiet biex l-elettorat jiddeċiedi fuqhom ukoll u wara l-elezzjonijiet tali kwistjonijiet jilħqu jintesew u jindraw sal-Elezzjoni Ġenerali.
Anki Alfred Sant fl-Opinjoni tiegħu din il-ġimgħa jisħaq li hemm qbil ġenerali li l-proġetti tat-toroq fallew bil-kbir għaliex ma rnexxilhomx isolvu l-problema tat-traffiku… minkejja li ċerti nies daħħlu l-mijiet tal-eluf fil-bwiet tagħhom!
Ċifri maħruġa tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-vetturi liċenzjati ġodda fit-triq ammontaw għal 4,922. Il-maġġoranza tal-vetturi liċenzjati ġodda, 2,652 jew 53.9 fil-mija tat-total, kienu karozzi, segwiti minn muturi/ PA-bikes/E-bikes (32.5 fil-mija).
Il-vetturi li nxtraw ġodda ammontaw għal 3,127 jew 63.5 fil-mija tat-total, filwaqt li l-vetturi użati liċenzjati ammontaw għal 1,795 jew 36.5 fil-mija. Sal-aħħar ta’ Diċembru 2022, it-total ta’ vetturi liċenzjati kien ta’ 424,904 jew 74.7 fil-mija ikunu karozzi tal-passiġġieri, 12.4 fil-mija vetturi li jġorru l-merkanzija u 12.2 fil-mija muturi/E-bikes/ PA-bikes, skuters E-kick, vetturi agrikoli u minibuses.
Il-vetturi plug-in hybrid u tal-Elettriku ammontaw għal 2.7 fil-mija, b’total ta’ 11,626 vettura.
Hu fl-isfond ta’ dan ix-xenarju li Robert Abela jrid li issa, biex il-Gvern tiegħu jindirizza din is-sitwazzjoni ta’ konġestjoni kontinwa fit-toroq tagħna, jintroduċi dawn it-taxxi fuq il-karozzi u fuq is-sewqan.
U hawn fl-Opinjoni tiegħu l-Eks Mexxej Laburista jwissi li dawn it-taxxi ġodda li b’xi mod se jipprova jdaħħal il-Gvern ta’ Robert Abela jaf ikunu biss “suwiċidju politiku”.
Jekk wieħed jinnota u josserva tajjeb matul dan is-sajf ta’ Kastilja ħadmu qatigħ biex jattakkaw lil dawk kollha li għandhom xi kredenzjali u jistgħu jimminaw it-Tmexxija ta’ Robert Abela. Bdew bil-Ministru Silvio Schembri li spiċċa arkivja lilu nnifsu u qajla għadu jidher f’xi attivitajiet uffiċjali, inklużi f’attivitajiet tal-Gvern; komplew bl-imminar tal-Ministru Clyde Caruana u x’ma qalux fuqu; u mbagħad daru għall-Ministru Miriam Dalli biex jippruvaw jaqtgħulha saqajha grazzi għall-kriżi tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Iżda kif Il-Mument – bil-fatti u bil-kwotazzjonijiet – żvelat il-ġimgħa l-oħra, l-Old Guards tal-Labour huma up in arms biex itajru lil Robert Abela… Marie-Louise Coleiro Preca, Alfred Sant, Evarist Bartolo, Manwel Cuschieri, Jason Micallef, Desmond Marmara…. u issa wkoll Joseph Muscat b’mod aktar sfaċċat jirrikorri għall-midja soċjali u jwissi li hu qatt ma ddejjaq iħabbat il-bibien u hekk se jkompli jagħmel!
//= $special ?>