Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, kellu kliem iebsa u ta’ twissija għall-awtoritajiet konċernati dwar il-mod kif l-Istazzjon Nazzjonali – il-Public Broadcasting Services (PBS) qiegħed jitħalla jwassal l-aħbarijiet li jidhirlu li huma favur il-Gvern Laburista minflok ma jwassal stampa imparzjali tal-aħbarijiet skont dak li jkun qiegħed jiġri fil-pajjiż u madwarna.
F’kumment lil Il-Mument, Michael Piccinino enfasizza li hu d-dritt taċ-ċittadin – hu min hu u għandu liema twemmin politiku għandu – li jingħata informazzjoni bilanċjata fuq il-mezzi tax-Xandir dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali, jew li jirriferixxu għal policy pubblika kurrenti.
Hu qal li għalhekk aktar kmieni din il-ġimgħa l-PN ippreżenta kawża fil-Qorti biex il-PBS ma jkomplix inaqqar id-dritt tal-poplu Malti u Għawdxi li jirċievi l-informazzjoni kollha u vera, kif jixraq f’demokrazija vera.
Michael Piccinino saħaq li bil-kawża tiegħu, il-PN mhux se jħalli lil Robert Abela u l-Gvern tiegħu jipprovaw jiċċensuraw lil min ma jaqbilx mad-diska tagħhom minn fuq ix-Xandir Pubbliku, li qed jintuża daqslikieku hu xi magna ta’ propaganda tal-Labour.
Hu qal li fl-istess waqt, irid jara wkoll li l-Awtorità tax-Xandir ma tkunx kompliċi meta ma tiħux il-miżuri kollha meħtieġa biex tassigura li jkun hemm verament bilanċ fix-xandir.
Il-kawża, li ġiet ippreżentata minn Michael Piccinino u kienet iffirmata mill-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, saret wara li minkejja l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment tal-PN rigward iċ-ċensura min-naħa tax-Xandir Nazzjonali, xorta saret kompliċi fiċ-ċensura mal-PBS.
Dan għaliex naqset milli tagħti rimedju effettiv lill-PN li ressaq l-ilment. Fil-fatt Michael Piccinino insista li hu inaċċettabbli li l-Awtorità tax-Xandir tkun kompliċi mal-PBS meta tonqos li tieħu miżuri meħtieġa biex tassigura verament bilanċ tax-Xandir.
Dwar l-istess tema tkellimt ukoll mad-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini li hu l-Kelliem tal-PN dwar ix-Xandir Nazzjonali, li fisser li fix-xhur li għaddew saret prassi komuni ħafna li x-Xandir tal-Istat jikteb stejjer mill-aktar negattivi fl-istorja tax-Xandir Pubbliku u dan meta jonqos bl-aktar mod sfaċċat jew sottili milli jonora l-imparzjalità fit-twassil tal-aħbar, jew, saħansitra, jiċċensura totalment aħbarijiet li jkun fihom valur u li jkunu ta’ interess għall-poplu Malti u Għawdxi.
Filwaqt li qal li hu m’għandu l-ebda dubju li fix-Xandir tal-Istat hemm l-id moħbija ta’ Kastilja li timmanipula kif jitwasslu l-aħbarijiet, Graham Bencini kompla li iva, hu jemmen li għandna Xandir Pubbliku li hu maħtuf totalment mill-Gvern Laburista u li qiegħed jintuża mill-istess Gvern Laburista biex ixerred il-propaganda tal-Gvern biex jimmanipula lin-nies u mhux biex jeduka lin-nies.
“Xbajna naqraw rapporti fil-midja lokali li jikkonfermaw li l-PBS sar il-One News 2 li jirrapporta biss dak li jaqbel lill-Gvern u li jiċċensura dak kollu li b’xi mod jew ieħor jitfa’ lill-Gvern f’dawl ikrah.
“Bħal, pereżempju, meta ġie ċċensurat parti mid-diskors tal-Papa Franġisku li waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, kien qal li Malta trid tkompli tiġġieled il-korruzzjoni, trawwem l-onestà fil-politika u twaqqaf il-kostruzzjoni mhux ikkontrollata u l-ispekulazzjoni tal-art. L-organizzazzjonijiet ewlenin kollha tal-aħbarijiet taw prominenza lil din il-parti tad-diskors tiegħu ħlief għal tnejn: One News u l-PBS!” qal Graham Bencini.
Hu fakkar ukoll li hemm il-każ meta r-rapport ta’ Transparency International fuq l-indiċi tal-koruzzjoni ma kenitx irrapportata fuq l-istazzjon tax-Xandir Pubbliku għaliex dan ir-rapport kien qal li Malta qegħda f’pożizzjoni agħar minn dik tas-sena l-oħra, liema pożizzjoni hi l-agħar li pajjiżna qatt ma kellu u r-raġunijiet li kienu taw għaliex Malta tibqa’ sejra għall-agħar fuq l-indiċi tal-korruzzjoni kienu:
■ L-indħil politiku fil-mezzi tax-xandir ta’ pajjiżna; u
■ Li qegħda tibqa’ tirrenja kultura ta’ impunità fejn każijiet ogħla ta’ korruzzjoni jibqgħu ma jiġux investigati;
Graham Bencini qal li s-sitwazzjoni tal-Istazzjon Nazzjonali hi waħda tal-mistħija hekk kif hemm ukoll id-diversi każijiet ta’ żbilanċ politiku favur il-Partit Laburista u kontra l-Partiti Nazzjonalista fejn saħansitra anki l-Qrati kkonfermaw, darbtejn, dan l-iżbilanċ politku. L-Awtorità tax-Xandir u l-PBS kienu appellaw is-sentenza tal-Qrati iżda anki l-Appell inqata’ u ta raġun lill-PN.
Hu semma wkoll kif hemm ukoll il-każ ‘Mark Sammut’, appuntat direttament mil-Prim Ministru Robert Abela, li qiegħed jitħallas żewġ salarji għal total ta’ iktar minn €130,000 għall-istess impieg mal-PBS, filwaqt li l-istess PBS qegħda titlef il-miljuni tal-ewro fis-sena, li huma flus tal-poplu għaliex il-PBS hi ffinanzjata mit-taxxi tal-poplu.
Hu qal li hemm skandlu wara ieħor fl-istazzjon tax-Xandir Pubbliku… l-aqwa li l-Istazzjon Nazzjonali tagħna jaqdi lill-Gvern Laburista ta’ Robert Abela u ma jġibux ħiereġ minn pajjiżna bil-jott lussuż tiegħu proprju waqt li pajjiżna jkun fi kriżi nazzjonali kaġun tar-ras iebsa tal-istess Robert Abela.
//= $special ?>