Internazzjonali

Il-Mongolja: Il-komunità tal-Kattoliċi preżenti bi ħġarha għall-quddiesa storika tal-Papa

Il-vjaġġ tal-Papa Franġisku fil-Mongolja, li jikkonkludi għada t-Tnejn kellu l-qofol tiegħu f’quddiesa storika fl-arena prinċipali ta’ Ulaanbaatar u li fiha spikka messaġġ ta’ tama, ta’ kuraġġ u anki ta’ rispett għad-denominazzjonijiet reliġjużi kollha.

Il-quddiesa kienet anki sinifikanti għaliex il-membri kollha tal-komunità Kattolika fil-Mongolja – meqjusa madwar il-1,500 – kienu fl-istess sit tal-Papa waqt iċ-ċerimonja. Intant, il-quddiesa bla dubju kienet l-aktar avveniment importanti għall-Papa li wassal il-messaġġ tal-Kattoliċiżmu f’pajjiż fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni huma Buddisti.

Il-parti kbira tad-disa’ parroċċi tal-Kattoliċi fil-Mongolja jinsabu f’Ulaanbaatar iżda hemm anki parroċċa ta’ 30 ruħ f’zona remota tal-pajjiż – bil-Vatikan, qabel il-quddies, jesprimi tama li l-mijiet tal-Kattoliċi jattendu bi ħġarhom għall-omelija tal-Papa…Ħaġa li fil-fatt seħħet, bid-devoti jwieġbu bi ħġarhom għal din is-sejħa.

Ħafna residenti fil-Mongolja jgħixu l-ħajja ta’ nomadi u l-Papa, waqt il-quddies, tenna li ‘in-nies tad-dinja huma simili għan-nomadi li qed ifittxu dejjem il-kuntentizza u l-imħabba’.

Il-Papa qal ukoll li l-fidi Kristjana ttaffi l-għatx tal-bniedem biex jgħix ferħan u li wieħed irid iżomm dejjem mat-tagħlim  tal-Knisja biex jilħaq it-tragwardi f’din il-ħajja. Dan wara li hu, waqt iż-żjara, ħeġġeġ biex id-devoti ta’ kull reliġjon jgħixu flimkien fl-armonija waqt li jiċħdu l-fundamentaliżmu ideoloġiku li jwassal għall-vjolenza.

Numru ta’ qassisin Buddisti wkoll attendew għal din il-quddiesa li kienet ċelebrata bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-lingwa uffiċjali tal-Mongolja.

Qabel jitlaq lura lejn Ruma, il-Papa għandu jinawgura ċentru tas-saħħa u għall-iskopijiet ta’ karità li l-knisja waqqfet fil-Mongolja. Intant, il-Papa, f’dawn il-jiem, ma tilifx opportunità biex ifaħħar il-libertà għall-espressjoni tar-reliġjon tal-individwu fil-Mongolja li taqsam fruntiera maċ-Ċina. U fl-aħħar tal-quddies, il-Papa anki bagħat it-tislijiet lit-Tmexxija taċ-Ċina, f’ġest ieħor ta’ rikonċiljazzjoni fi żmien ta’ tensjoni bejn ir-reġim ta’ Beijing u l-Vatikan.