Minħabba t-tkabbir sproporzjonat fil-popolazzjoni, mingħajr pjan u mingħajr viżjoni, is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar pajjiżna kellha terfa’ pressjoni qawwija ħafna matul is-sħanat ta’ Lulju, sitwazzjoni orribbli li wasslet għal tbatijiet kbar fil-familji u n-negozji tagħna, u saħansitra għal imwiet.
Problema li ħoloqha kollha l-Gvern Laburista bl-inkompetenza fit-tmexxija u bil-politika ħażina tiegħu li jipprova jkabbar il-kejk ekonomiku billi jimporta l-ħaddiema mill-pajjiżi barra mill-UE li jkomplu jixħtu piżijiet kbar fuq kull infrastruttura tagħna: it-toroq, l-elettriku, l-ilma, id-drenaġġ, l-isptarijiet u l-bqija.
Dwar is-sitwazzjoni fl-enerġija u l-viżjoni Ewropea, fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Peter Agius, wieħed mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li ġej, li beda biex spjega li t-Tmexxija Laburista matul l-aħħar għaxar snin ftit li xejn investiet fid-distribuzzjoni tal-elettriku b’mod li jaħseb u jipprepara għaż-żidiet fil-popolazzjoni u ċ-cheap labour li riedu jġibu fil-pajjiż.
Fisser li dan in-nuqqas ta’ investiment fid-distribuzzjoni se jkun qed jiżgura li s-sitwazzjoni insapportabbli u inaċċettabbli li għaddejna minnha matul dan is-sajf se tibqa’ tirrepeti ruħha sena wara l-oħra kull darba li tfeġġ fuqna xi mewġa tas-sħana, u issa wkoll anki meta tagħmel ix-xita, għax l-infrastruttura attwali ma tiflaħx għal żidiet qawwija fid-domanda għall-elettriku.
“Il-problema kbira tad-distribuzzjoni, bħal kull problema oħra maħluqa bil-politika ħażina taż-żieda fil-popolazzjoni, se tkompli tikber u taggrava meta l-Gvern Laburista u l-familji tagħna se jkunu qed jintalbu jinstallaw it-tagħmir tal-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi skont il-miri li tajna lill-Kummissjoni Ewropea,” qal Peter Agius filwaqt li wriena x’qegħdin jagħmlu l-bqija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea minn issa biex jiżguraw li jinvestu għall-ġejjieni bi pjan u ma joħolqux diffikultajiet liċ-ċittadini tagħhom.
“Din il-kriżi fl-elettriku li għaddejna minnha se tkompli tmur għall-agħar meta d-domanda għall-elettriku se tkompli tiżdied bil-65,000 karozza elettrika li jeħtieġ ikollna fit-toroq tagħna sal-2030,” qal Peter Agius filwaqt li wrieni data u ċifri mfassla minn espert fl-inġinerija. Dawn il-kalkoli qed ibassru l-bżonn ta’ 77MW oħra biex inkunu nistgħu niċċarġjaw dawk il-karozzi elettriċi kollha madwar il-pajjiż.
“Din id-domanda qawwija f’Malta se tkompli tixħet piżijiet kbar fuq is-sistema tad-distribuzzjoni li l-Gvern Laburista mhux qed jinvesti fiha biżżejjed,” qal Peter Agius li kompla li: “u l-poplu tagħna jeħtieġ ikun mgħarraf dwar din il-problema fit-tul minn issa.”
Peter Agius, waqt messaġġ bis-slogan “Enerġija Ġdida”, qal ukoll li dan l-istudju li kkummissjona hu stess mingħand inġinier tal-elettriku, juri li d-domanda għall-elettriku fil-pajjiż se tkun qed tiżdied b’għaxra fil-mija jekk Malta jirnexxilha tilħaq l-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli tagħha stess sal-2030 u jekk trid tiżgura li fit-toroq tagħna jkollna 65,000 karozza elettrika kif kienet iddikjarat mal-Kummissjoni Ewropea fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima.
Hu kompla li dan ifisser li bis-sitwazzjoni elettrika attwali, anki meta d-domanda għall-elettriku se tkun relattivament baxxa, il-familji tagħna xorta waħda se jkunu qed jarmu l-ikel u jqattgħu iljieli sħaħ mingħajr dawl, fis-sħana jew fil-kesħa.
B’paragun ċar mal-aħħar kriżi nazzjonali tal-qtugħ tad-dawl, Peter Agius staqsa: “X’se jiġri meta jkollna dawn l-eluf ta’ karozzi elettriċi mqabbda man-network tal-elettriku madwar il-pajjiż?
“Issa li kulħadd qed jinduna bil-gimmicks tal-Labour li taparsi jimmira għal eluf ta’ karozzi elettriċi biex jidher sabiħ mal-istituzzjonijiet Ewropej iżda mbagħad jibqa’ jinjora għalkollox l-investiment meħtieġ fil-konkret biex jilħaq dawk il-miri, ilkoll qed nintebħu li din il-problema Laburista se tibqa’ tipperpetwa u tirrepeti ruħha a skapitu tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.”
Skont il-politika u l-pjan li l-Labour għadda lill-UE għall-enerġija u l-klima, Malta jeħtieġ tikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet tal-UE billi sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-anqas 55 fil-mija inqas mil-livelli tal-1990.
Mistoqsi dwar dan, Peter Agius spjega li għal dawn il-miżuri ġew allokati ammonti sostanzjali ta’ fondi tal-UE, filwaqt li għandhom l-appoġġ ta’ vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew biex sal-2035 jieqaf il-bejgħ tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil.
Hu fakkar li l-Partit Popolari Ewropew, bħala l-familja tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, kien ivvota kontra l-proposta oriġinali li kienet qed tippjana li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’90 fil-mija sal-2035, mingħajr data ċara għat-tneħħija tal-karozzi mhux elettriċi.
Bħalma ħareġ fil-midja matul il-jiem li għaddew, l-istudju ta’ Peter Agius diġà qed ibassar li pajjiżna se jkun jeħtieġ 77MW iżjed enerġija, apparti d-domanda ta’ 649MW li kellna matul Lulju li għadda.
“Jekk bid-domanda attwali ta’ 649MW, f’pajjiżna kellna iżjed minn 27 lokalità mingħajr dawl u ilma, mela x’se jkun qed jiġri jekk jiżdiedu 77MW oħra mad-domanda attwali? Bla dubju li n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku se jkun qed ifalli darba wara l-oħra għax ma jiflaħx għal dan il-piż.
“U għaldaqstant, pajjiżna jeħtieġ jagħmel għażla fid-direzzjoni t-tajba. Għażla favur mudell ekonomiku differenti u tmexxija li turi kompetenza, pjan u viżjoni soda għall-pajjiż… jekk tassew irridu naqtgħu l-frott tal-ekonomija nadifa.
“Se jkollna nfasslu l-mudell ekonomiku tagħna għall-ġejjieni u nbiddluh mill-qiegħ biex inkunu nistgħu nkabbru l-kejk ekonomiku u nżidu l-GDP mingħajr ma nixħtu toqol enormi fuq l-infrastrutturi tagħna. U dan niksbuh biss b’investiment qawwi fl-impjiegi ta’ kwalità li jikkontribwixxu għall-ekonomija tagħna mingħajr ma jisplodu l-popolazzjoni. Aħna l-Maltin ħerqanin ferm biex nagħtu sehemna għall-ambizzjonijiet ta’ Tniġġis Zero li fasslet l-UE u biex ilkoll ikollna trasport u ambjent nadif għal saħħitna u kontra t-tibdil fil-klima,” fisser Peter Agius.
Mistoqsi dwar it-tieni interconnector, proposta ewlenija tal-Partit Nazzjonalista u li llum sar meħtieġ b’urġenza biex inkunu nistgħu nlaħħqu ma’ din id-domanda qawwija tal-lum u t’għada, u għall-istabbiltà enerġetika tal-pajjiż, Peter Agius spjega li skont valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ interconnect, Malta stess, il-Gvern Laburista hu mwissi u mwiddeb li anki mingħajr dan l-investiment addizzjonali, Malta se jkollha taffaċċja sfidi kbar, speċjalment fl-eqqel xhur bħal Lulju li għadda.
“Ilu snin sħaħ jissemma li se jsir it-tieni interconnector bejn Ragusa u Malta biex ikollna provista tal-elettriku soda u stabbli mill-kontinent Ewropew, iżda dan l-investiment meħtieġ – illum qabel għada – għadu ma mexa xejn,” ilmenta Peter Agius.
Tkellem dwar l-importanza li pajjiżna jiżgura wkoll li l-enerġija li jixtri mingħand il-kontinent Ewropew bl-ewwel interconnector, u evenwalment bit-tieni wieħed, tkun ukoll ġiet iġġenerata b’mod rinnovabbli biex filwaqt li nindirizzaw it-tibdil tal-klima ma nkunux qed nesportaw il-problema u l-impatt fuq l-ambjent lejn pajjiżi oħra tal-UE.
“Issa li l-qalba lejn it-trasport elettriku mistennija żżid id-domanda għall-ġenerazzjoni tal-elettriku b’ammont sostanzjali, u hekk ukoll il-piż fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku, jeħtieġ li flimkien naħtfu l-vantaġġi u l-finanzjament kbir li qed tipprovdi l-UE lil Malta biex din il-problema ta’ pajjiżna jirnexxilna nsarrfuha f’opportunitajiet tad-deheb għall-istudenti u l-ħaddiema tagħna li jridu jispeċjalizzaw f’dan il-qasam mill-aktar opportun u innovattiv ħalli pajjiżna jkun minn ta’ quddiem f’din it-tranżizzjoni ekoloġija li ma nistgħux naħarbu minnha,” temm Peter Agius.
//= $special ?>