Fil-jiem li għaddew komplejna nassistu għal aktar ilmenti ġustifikati mis-Slimiżi u minn dawk kollha li jgħixu f’Tas-Sliema għar-rigward tal-ħajja diffiċli li spiċċaw ikunu kostretti li jgħixu fiha għaliex il-Gvern Ċentrali abbanduna lil din il-lokalità sal-punt li fiha qiegħed jiddomina l-ħmieġ u l-iskart fuq bażi ta’ kuljum; qiegħed jiddomina t-tniġġis fid-diversi forom tiegħu… storbju, ħsejjes qawwija u trabijiet; telqa u żdingar bla ebda limitu; ġrieden fit-toroq bl-aktar mod sfaċċat; krejnijiet kull fejn tħares… traffiku.
Hu mill-aktar ġustifikat l-ilmenti ta’ dawn in-nies li dik li darba kienet ġawhra mill-isbaħ fil-gżejjer Maltin, illum spiċċat lokalità żdingata bil-vittmi jkunu l-istess Slimiżi u r-residenti fiha. U dan mhux sew fil-veru sens tal-kelma għaliex kulħadd għandu d-dritt li jgħix f’ambjent san u deċenti.
Proprju dwar din it-tema delikata u sensittiva f’dawn il-jiem tkellimt mad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ li hi inkwetata b’dak li qiegħed jiġri u jiżviluppa f’Tas-Sliema.
Graziella Attard Previ qalet li qegħdin fl-eqqel tas-sajf Malti, żmien li s-soltu konna nassoċjawh ma’ ħajja rilassata, divertiment, ħruġ, xi passiġġata u xi ġelat tajjeb. Imma l-ħajja nbidlet wisq. Dan qegħdin iħossuh tassew b’mod speċjali r-residenti Slimiżi. Is-Slimiżi, minflok sajf ta’ rilassament qegħdin iġarrbu sajf ta’ disperament.
“Ngħiduha kif inhi… dan mhuwiex l-ewwel sajf li fih kellhom jaffaċċjaw diversi problemi li ilhom jakkumulaw is-snin. Imma issa verament li s-Slimiżi ma jifilħux iktar. Il-kwalità tal-ħajja f’Tas-Sliema ddeterjorat b’mod drastiku. Għalhekk is-Slimiżi ħarġu bi ħġarhom jipprotestaw. L-għajta tagħhom hi waħda ċara… issa daqshekk! Xbajna!!
“Għaldaqstant hemm bżonn li jsir xi ħaġa, illum qabel għada, biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tmur għall-agħar u biex in-nies ta’ Tas-Sliema jkunu jistgħu jgħixu fi djarhom u fil-lokalità bil-kwiet.”
Graziella Attard Previ fissret li l-lokalità ta’ Tas-Sliema ilha snin sħaħ tbati minn abbandun u telqa liema bħalha. Is-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar, l-aktar bil-kulminazzjoni li ġab miegħu diżastru sħiħ li qiegħed jiġi kkawżat mill-iskema li ddaħħlet din is-sena tal-ġbir tal-iskart.
Ir-residenti Slimiżi li ħarġu jipprotestaw mhux ta’ b’xejn li ġarrew kartelluni b’diversi messaġġi fosthom: ‘Sliema Garbage Town’; ‘Wheelchairs need friendly pavements’; ‘Sliema abbandunata’; ‘Waste collection – one huge mess’ u ‘No discipline’.
Dan għaliex f’Tas-Sliema mhux problema waħda qegħdin ikollhom iħabbtu wiċċhom ir-residenti. Qegħdin nitkellmu, anzi, fuq ruxxmata problemi, waħda ikbar mill-oħra. Dawn il-problemi dejjem jiżdiedu u jiggravaw, għaliex il-Gvern mhux talli abbanduna lil Tas-Sliema u ma jimpurtahx mis-Slimiżi, talli stupraha.
U problema ġġib oħra, tant li issa nħoloq ċirku vizzjuż u s-Slimiżi tista’ tgħid li tilfu kull tama li s-sitwazzjoni xi darba se tkun tajba biex jgħixu fil-lokalità tagħhom b’moħħhom mistrieħ.
Mistoqsija dwar il-kwistjoni tal-ġbir tal-iskart, Graziella Attard Previ fissret li ma jistax ikun li f’Tas-Sliema u f’lokalitajiet turistiċi u kummerċjali oħra jitqabblu ma’ rħula ċkejknin li għandhom realtajiet differenti ferm minn dawn l-inħawi.
Hi qalet li l-ġbir tal-iskart ma jistax jibqa’ jsir kif inhu skedat. Hemm bżonn li l-Gvern jikkonsulta mal-kunsill lokali li hu qrib ferm aktar tar-residenti u li jaf eżatt x’inhuma l-ħtiġijiet tal-lokal. F’Tas-Sliema hemm ħafna appartamenti li jinkrew, bit-turisti ħerġin u oħrajn deħlin dlonk warajhom. Dan qiegħed iwassal biex jinħareġ ħafna skart mhux skont l-iskeda.
Graziella Attard Previ fissret li r-realtà ta’ Malta hi wkoll li għandna klima sħuna ħafna. Għalhekk li l-ġbir tal-iskart organiku jsir biss tliet darbiet fil-ġimgħa qiegħed ikollu konsegwenzi serji.
“Issa qalulna biex l-iskart niffriżawh. Flok offrew soluzzjoni bis-sens li taġevola lill-poplu, iriduna nimlew il-friża biż-żibel. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda infurzar u allura Tas-Sliema saret miżbla.
“Jiena nistaqsi u nirrabja kif, jekk il-Gvern ma jimpurtahx mir-residenti Slimiżi, allura l-Gvern lanqas mit-turisti ma jimpurtah? Meta nafu li pajjiżna u l-ekonomija tagħna jiddependu mit-turisti, se nibqgħu ndardru l-għajn li rridu nixorbu minnha?”
Hi kompliet li l-problema taż-żibel ġabet magħha problema kbira ta’ ġrieden u firien fit-toroq. Apparti li ħadd ma jiggosta jara xi ġurdien jew far, nafu li huma perikolużi u jġibu l-mard. Għaliex il-Gvern ma qiegħed jagħmel xejn sabiex jikkontrolla l-popolazzjoni kbira ta’ dawn l-annimali?
Ma’ din il-problema hemm dik tal-ġrieden li jtiru, kif inhuma magħrufin il-ħamiem. Skema li kien ħabbar il-Gvern fuq skala nazzjonali biex jitqassam għalf li jkun fih kontraċettiva sabiex il-popolazzjoni tal-ħamiem li wkoll iħammġu u jġibu l-mard, x’sar minnha? Tgħid waqfet? Tgħid falliet? Jew din l-iskema qatt ma bdiet għax il-Gvern ma għamel xejn?
“Sfortunatament l-ambjent f’Tas-Sliema sar wieħed tossiku. Meta dari kien ta’ pjaċir li wieħed joqgħod Tas-Sliema, bil-ġmiel u t-trankwillità li kont issib, illum li tgħix f’Tas-Sliema sar ifisser baħar ta’ inkwiet kuljum. Xi ngħidu għall-mużika għolja mir-restoranti, bars, dgħajjes, kif ukoll il-ħsejjes marbuta mat-traffiku u mal-bini kontinwu li għaddej mingħajr l-iċken rispett lejn ir-residenti, ħafna minnhom anzjani.
“Kif nistgħu wkoll ma nsemmux il-ħtif ta’ art pubblika bil-barka kontinwa tal-Gvern li jaġevola lil tal-qalba. Imwejjed u siġġijiet tar-restoranti fuq il-bankini kullimkien, spejċalment fl-inħawi tax-Xatt u fuq il-promenades, fejn darba stajt tippassiġġa jew tiekol ġelat bil-kwiet. Bilkemm bil-mixi m’għadek tista’ tgħaddi, aħseb u ara b’pushchair jew siġġu tar-roti.”
Graziella Attard Previ kompliet li s-Slimiżi lanqas għandhom fejn jipparkjaw. In-nuqqas ta’ parkeġġ laħaq livelli akuti. Hawn residenti li jdumu siegħa sabiex jipparkjaw.
“Irrid infakkar li s-Slimiżi ġew imċaħħda minn skema ta’ parkeġġ għar-residenti minn dan il-Gvern hekk kif tela’ fil-poter fl-2013. Waqt li f’lokalitajiet b’maġġoranza Laburista bħal Ta’ Xbiex u Tal-Pietà għandhom skemi simili, Tas-Sliema ġiet imċaħħda minn dan. Dan ġara fl-istess waqt li l-popolazzjoni splodiet minn 12,000 għal 23,000 f’għaxar snin ta’ Gvern Laburista.”
Dwar iż-żieda drastika fil-popolazzjoni f’Tas-Sliema, Graziella Attard Previ fissret li riżultat taż-żieda kbira fil-popolazzjoni hemm ukoll il-problema tad-dranaġġ li jfur fuq ix-xtajtiet u l-baħar, u għalhekk l-uniku żvog li baqgħalhom is-Slimiżi kemm-il darba jkun ikkontamintat. Dan għaliex id-djar eleganti ta’ Tas-Sliema twaqqgħu biex ittellgħu bosta appartamenti u issa saħansitra qed jagħmlu ħafna applikazzjonijiet għal iktar lukandi jew ‘boutique hotels’, iżda l-infrasftruttura tad-drenaġġ qatt ma ġiet adegwata biex tlaħħaq mal-volum tal-bżonnijiet li żviluppaw.
Għalhekk ukoll, ir-residenti ma jridux iktar lukandi f’Tas-Sliema. Dan għaliex l-ammont sostenibbli ta’ turisti ilu li ntlaħaq, minbarra l-fatt li Malta mhijiex tattira turisti ta’ kwalità li jfittxu l-lussu u jonfqu l-flus.
Dan biex ma nsemmux ukoll li f’appartament wieħed ġieli jkollok tletin ruħ joqogħdu u allura tistgħu timmaġinaw il-konsegwenzi fuq il-problemi tal-istorbju, kemm tal-iskart kif ukoll tad-dranaġġ.
“Ilni xhur nitkellem ukoll dwar il-problemi li huma kkawżati mill-e-scooters. Taqbel jew ma taqbilx, l-għajta tar-residenti waqt il-protesta kienet li ma jridux iktar e-scooters. Ma tagħtihomx tort għax huma jafu kif xi drabi lanqas jistgħu joħorġu minn djarhom, jew mill-garaxx, jew kif bilfors ikollhom jimxu taħt il-bankina, jew kif ma jistgħux imorru passiġġata għax b’nuqqas ta’ rispett, is-sewwieqa ta’ dawn l-e-scooters isuqu bl-addoċċ u b’veloċità eċċessiva.
“Li tneħħi l-e-scooters forsi tinstema’ deċiżjoni drastika. Imma din fil-fatt ġrat f’Pariġi fi Franza. U f’pajjiżna n-nies qatgħet qalbha li l-awtoritajiet se jieħdu bis-serjetà biex l-affarijiet isiru sew u bl-ordni. Mhux imbilli ngħaddu l-liġijiet fil-parlament, jekk m’hemmx infurzar u preżenza ta’ pulizija u gwardjani fit-toroq, kulħadd jibqa’ jagħmel li jrid b’detriment kbir lejn ir-residenti tal-lokalità.
“U xi ngħidu għat-terminal tal-lanċa fix-Xatt ta’ Tas-Sliema! Wara iktar minn erba’ snin dan għadu ma tlestiex u lanqas għad m’hemm xi indikazzjoni meta se jitlesta. Skont il-posters li hemm madwar il-proġett dan sar mill-Fondi Ewropej 2014-2020. Kull min jahdem fil-Fondi Ewropej jaf, li proġetti taħt perjodu ta’ ftehim, f’dan il-każ 2014-2020, għandhom tliet snin iktar biex jitlestew u jingħataw il-flus għalihom. Jekk ma jitlestewx sa tliet snin wara, il-flus jintilfu. U tmiem l-2023 mhuwiex fil-bogħod. Minkejja l-interpellanzi li ressaqt fil-Parlament dan il-proġett baqa’ ma ġiex komplut.
B’mod sarkastiku ġie innutat li din l-aħħar ġimgħa minn mindu l-Gvern sar jaf li se ssir il-protesta, kien hemm ċaqliqa min-naħa tal-awtoritajiet biex jagħmlu xi manutenzjoni u tindif. Dan ġie innutat mill-fanali li twaħħlu f’parti żgħira mill-promenade (bejn il-Fortizza u l-bidu tax-Xatt ta’ Qui Si Sana), fanali li ilhom snin biex jiġu installati, u wkoll beda jinżebagħ ir-railing l-iswed tal-promenade. Imma dan mhu xejn ħlief bżar fl-għajnejn li mhuwiex se jagħmi lir-residenti Slimiżi. Ir-residenti jridu ħafna aktar impenn biex jaraw Tas-Sliema nadifa u sabiħa kif inhu xieraq, qalet Graziella Attard Previ.
Hi żiedet li nhar it-Tlieta li għadda, is-Slimiżi wasslu messaġġ qawwi li wasal iż-żmien li Tas-Sliema tiġi lura għal ftit normalità. “Tuna nifs! Uruna ftit rispett! Irridu iktar indafa! Irridu sigurtà fuq il-bankini u fit-toroq! Roddulna lura l-ispazji fuq il-bankini! Irridu ngħixu bil-kwiet!
“Is-Slimiżi qegħdin jgħidu wkoll, li jekk l-awtoritajiet jibqgħu ma jagħtux kashom, il-protesti se jiżdiedu! “Għax il-limitu issa ilu li ntlaħaq… issa daqshekk,” temmet Graziella Attard Previ
//= $special ?>