Għexieren ta’ nies – inklużi pulizija –indarbu fi ġlied qalil f’Tel Aviv bejn il-folol tar-refuġjati mill-Eritrea u l-qawwiet tal-liġi Iżraeljani.
Id-dimostranti waslu f’Iżrael bit-tama li jingħataw il-kenn politiku u l-inċidenti tal-aħħar sigħat kienu kważi mingħajr preċedent fil-kapitali ta’ Iżrael.
Fl-inċidenti spikkaw l-isparaturi, bil-pulizija anki jużaw il-gass tad-dmugħ kontra l-mijiet tad-dimostranti li kienu mitlufa f’dagħdigħa ta’ rabja.
L-inkwiet kien dovut għal sitwazzjoni li fiha l-attivisti li jopponu lill-Gvern tal-Eritrea kienu talbu lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jikkanċellaw avveniment relatat mal-ambaxxata ta’ pajjiżhom (ibbażata f’Tel Aviv) u li kien ipprogrammat għas-Sibt.
Intant, is-sitwazzjoni qalbet għall-agħar bir-riżultat li żbruffaw il-konfronti vjolenti bejn l-attivisti u r-refuġjati li huma sostenituri tat-Tmexxija tal-Eritrea – bil-pulizija jintervjenu minnufih fost il-konfużjoni.
Sadanittant, l-awtoritajiet Iżraeljani qed jitrattaw l-inċidenti bl-akbar sens ta’ gravità u fejn fetħu investigazzjoni dwar jekk l-isparar tal-munizzjon waqt l-inċidenti kienx konformi mal-liġi.
Id-diżgwid u l-animosità bejn il-gruppi rivali tal-Eritrej dwar it-tmexxija tal-President tal-Eritrea Isaias Afwerki qed tinfirex madwar id-diaspora tal-Lhud u l-inċidenti ta’ tmiem il-ġimgħa bla dubju kienu l-agħar ta’ dan it-tip f’Tel Aviv.
Fl-aħħar sigħat, id-dimostranti immarċjaw lejn is-sit fejn kellu jsir l-avveniment relatat mal-ambaxxata u fejn irnexxielhom jgħaddu bil-forza mill-barrikati li l-pulizija kienu tellgħu fl-inħawi.
Minn dak il-ħin, l-inċidenti vjolenti biddlu liċ-ċentru ta’ Tel Aviv f’zona ta’ gwerra, bil-ħelikopters tal-pulizija jduru fuq l-inħawi u bil-qawwiet tal-liġi jisparaw it-tiri fl-ajru.
Kien hemm ukoll rapporti mhumiex issostanzjati li xi pulizija fetħu n-nar fuq grupp ta’ dimostranti u meta l-azzjoni qed ikunu suġġetta għall-investigazzjoni.
Fl-eqqel tal-ġlied, id-dimostranti anki infexxew f’sensiela ta’ atti vandali fejn qerdu numru ta’ karozzi minbarra li kissru l-vetrini tal-istabbilimenti kummerċjali fl-inħawi.
Sadanittant, stqarrija mill-pulizija qalet li numru ta’ uffiċjali għaz-zamma tal-liġi kienu kostretti li jisparaw l-armi biex jintimidaw lin-nies għaliex ħassew li ħajjithom kien f’periklu. L-istess stqarrija konfermat li mat-30 uffiċjal tal-pulizija sfaw midruba waqt il-battalji fit-toroq li damu għaddejjin fit-tul.
L-awtoritajiet Iżraeljani intant esprimew ix-xokk għal dawn l-inċidenti sorprendenti li qabbluhom mal-agħar vjolenza bejn is-suldati ta’ Iżrael u l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent.
//= $special ?>