Lokali

L-attivitajiet fl-okkażjoni tal-59 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza

Jinsabu fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet u l-preparamenti għaċ-ċelebrazzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza aktar tard dan ix-xahar biex ifakkar id-59 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza fl-1964 grazzi għall-viżjoni li kellu Ġorġ Borg Olivier li baqa’ magħruf bħala ‘Missier Malta Indipendenti’.

Fil-jiem li għaddew il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar it-tema ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet – ‘Ħajja aħjar f’pajjiżna’. Tema li tirrifletti l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jkun gvern alternattiv u li jaħdem qatigħ biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu fid-diversi forom ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.

Hekk jemmen il-PN u hu għalhekk li qiegħed jaħdem u bis-sħiħ għaliex il-poplu jixraqlu kwalità ta’ ħajja ferm aħjar minn dik li qiegħed jgħix fil-preżent fejn il-Gvern Laburista qiegħed jagħti għajxien li żgur ma jixraqx lill-familji.

Dwar il-programm tal-attivitajiet li l-PN qiegħed iħejji biex jiċċelebra l-anniversarju ta’ din is-sena, tkellimt ma’ Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, li fisser l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet u li fihom jipparteċipaw il-familji Maltin u Għawdxin.

“Se nipprovaw norganizzaw attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd. Attivitajiet li jolqtu lil dawk li jħobbu l-politika u li jridu jkunu jafu aktar u aktar dwar dak li hu għaddej minnu pajjiżna bħalissa u x’qiegħed jagħmel il-PN biex ikun tassew gvern alternattiv,” qal Michael Piccinino.

Għalhekk se jkunu organizzati djalogi u diskussjonijiet politiċi, fosthom intervista wkoll mal-Kap tal-PN Bernard Grech fejn saret stedina biex ġurnalist mill-istazzjon Laburista One imexxi hu intervista ma’ Bernard Grech u jistaqsih dwar dak kollu li jixtieq.

Se jkun organizzat ukoll mass meeting u dan se jsir nhar l-20 ta’ Settembru fejn il-Kap Nazzjonalista jkun jista’ jindirizza lin-nies u jaġġornahom dwar it-temi attwali li għaddej minnhom pajjiżna.

Dawn l-attivitajiet, kompla Michael Piccinino, se jkunu organizzati fi Pjazza Tritoni fil-Belt u għalihom hu mistieden li jattendi kulħadd. “Irridu li n-nies jiġu bi ħġarhom anki biex jiċċelebraw dan l-anniversarju importanti li ra lil pajjiżna jikseb l-Indipendenza tiegħu. Imma mhux biss… irridu lin-nies jattendu biex isemmgħu leħinhom dwar dak kollu li għaddejjin minnu.”

Hu qal li l-poplu bħalissa għaddej minn diversi sitwazzjonijiet diffiċli li bl-ebda mod ma jagħmlu l-kwalità tal-ħajja tal-istess poplu Malti u Għawdxi feliċi u ta’ serħan il-moħħ. “U hu għalhekk li rridu lin-nies jattendu bi ħġarhom biex lill-Gvern Laburista nuruh li l-poplu hu mxabba’ bil-problemi tal-għoli tal-ħajja, tal-għoli tal-mediċini, tat-tkissir u l-isfreġji ambjentali li hawn madwarna, tal-ħmieġ u l-iskart li qiegħed jinġema ta’ kuljum fit-toroq tagħna, tal-iżvilupp bl-addoċċ, it-traffiku, it-telqa li hawn madwarna…” qal Michael Piccinino.

Hu kompla li iżda l-programm tal-attivitajiet imur lil hinn mid-diskussjonijiet u d-djalogi dwar il-politika u jinkludi wkoll attivitajiet għall-familja, fosthom qed tirritorna r-Rotta tal-Arti li din is-sena se tittella’ fid-Dar Ċentrali bejn il-15 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru. F’din l-attività sinonima mal-PN, se jkunu qegħdin jieħdu sehem għadd ġmielu ta’ artisti li laqgħu l-istedina tal-PN biex jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom fid-Dar Ċentrali proprju f’dan l-anniversarju tal-kisba tal-Indipendenza.

Michael Piccinino qal li għal darba oħra se jkun organizzat il-Festival Kanzunetta Indipendenza li se jirritorna fl-attivitajiet tal-Indipendenza u li din is-sena se jittella’ f’teatru miftuħ u fejn il-finali se ssir nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru.

Team Sport fi ħdan il-PN se jkun qiegħed jorganizza wkoll attivitajiet sportivi li se jittellgħu waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijet tad-59 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Michael Piccinino spjega li l-attivitajiet se jkunu ffukati bejn it-18, id-19 u l-20 ta’ Settembru, prinċipalment fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta… tlett ijiem ta’ divertiment għall-familja kollha li trid li pajjiżna jaqbad rotta ġdida; rotta li tkun tiggarantixxi s-serħan il-moħħ; rotta li tkun tiggarantixxi l-aqwa u l-aħjar għal kull wieħed u waħda minna; rotta li finalment toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

Hu temm li dawn huma attivitajiet importanti anki invista tal-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla fejn il-poplu se jkun imsejjaħ biex jagħti l-vot tiegħu kemm fuq livell nazzjonali għall-għażla tal-kandidati li se jkunu qegħdin jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew, iżda anki fuq livell lokali fejn se jkunu qegħdin isiru l-elezzjonijiet lokali biex ikunu ffurmati l-Kunsilli Lokali l-ġodda għal-leġiżlatura li jmiss.