Futbol Sport

Rebħa drammatika għal Arsenal fuq Manchester United… Liverpool dominanti kontra Aston Villa

(Ritratt: EPA)

Fl-Emirates Stadium rebħa drammatika għal Arsenal fuq Manchester United bl-iskor ta’ 3-1. F’partita fejn setgħet tmur kull naħa finalment kienu Arsenal li ħarġu bit-tliet punti. Kienu Manchester United li marru fil-vantaġġ fis-27 minuta meta minn pass ta’ Christian Eriksen, Marcus Rashford daħal tajjeb fil-kaxxa u xeħet wara Ramsdale għal 1-0. Sekondi wara, reazzjoni immedjata minn Arsenal, meta minn azzjoni maħdum tajjeb, Gabriel Martinelli sab lil Martin Odegaard f’tarf il-kaxxa, li b’konklużjoni preċiża għeleb lil Andre Onana għal 1-1.

Tul il-partita iż-żewġ timijiet baqgħu jagħfsu għal gowl, b’Manchester United, kontra x-xejra tal-logħob jiskorjaw dak li ħasbu se jkun it-2-1, permezz ta’ Alejandro Garnacho, liema gowl ma kienx konvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR. Biex fis-6 minuta tal-ħin mogħti żejjed Arsenal jiskorjaw il-gowl li tefagħhom fil-vantaġġ, meta minn corner ta’ Bukayo Saka, kien Declan Rice li kkonkluda wara Onana għal 2-1, liema gowl tefa’ lil partitarji ta’ Arsenal f’dilirju ta’ ferħ. Hekk kif Manchester United kienu qed jippurvaw ifittxu l-gowl tad-draw, kienu Arsenal li b’kontrattakk veloċi skorjaw it-tielet gowl permezz tas-sostitut Gabriel Jesus.

F’Anfield rebħa dominanti minn Liverpool fuq Aston Villa bl-iskor ta’ 3-0. Liverpool marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita meta Trent Alexander Arnold għadda lejn Dominik Szoboszlai li b’konklużjoni mill-isbaħ għeleb lil Emiliano Martinez għal 1-0. Fit-22 minuta, Liverpool jirduppjaw minn Matty Cash li xeħet fix-xibka tiegħu stess. Fil-55 minuta Liverpool assiguraw mir-rebħa meta Darwin Nunez sab lil Mohammed Salah, b’dan tal-aħħar jitfa’ fix-xibka għal 3-0.

F’Selhurst Park rebħa missielta għal Crystal Palace fuq Wolves bl-iskor ta’ 3-2. Palace fetħu l-iskor fis-56 minuta minn Odsonn Edouard, qabel għaxar minuti wara Wolves kisbu d-draw minn Hwang Hee-chan.
Palace marru fil-vantaġġ għal darb’oħra fit-78 minuta minn Eberchi Eze qabel reġa’ kien Edouard li għamilhom tlieta. Matheus Cunha skorja t-tieni gowl ta’ Wolves, li madankollu ma kienx biżejjed biex Wolves jieħdu l-punti minn din il-partita.

PREMIER LEAGUE

Il-Ġimgħa: Luton Town v West Ham 1-2
Ilbieraħ: Sheff. Utd. v Everton 2-2, Man City v Fulham 5-1, Chelsea v Nott. Forest 0-1, Burnley v Tottenham 2-5, Brentford v Bournemouth 2-2, Brighton v Newcastle 3-1
Illum: C’Palace v Wolves 3-2, Liverpool v Aston Villa 3-0, Arsenal v Man Utd. 3-1