“Falla fl-iktar ħaġa faċli u bażika. Kif jista’ jimmaniġjalek saħtek u l-enerġija, u l-futur, u jtik l-opportunità li twettaq il-ħolm tiegħek. Dan huwa Robert Abela li falla.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista telefonika li saret fuq Net FM dwar it-telqa li pajjiżna tħalla fih minn Gvern ta’ Robert Abela.
“Robert Abela tilef kull kredibbiltà għaliex il-poplu mhux qed jara fih il-persuna li jista’ jmexxi lil pajjiżna,” qal Bernard Grech. “Telqa madwar il-pajjiż kollu. Il-ħmieġ u skart, b’rapporti ta’ infestazzjoni ta’ ġrieden madwar Malta u Għawdex. Dan juri kif dan huwa Gvern li falla.”
Bernard Grech qal li din is-sitwazzjoni ma ġietx biss minħabba li ma sarx investiment iżda saret sitwazzjoni li mhux biss żdiedet il-popolazzjoni ta’ pajjiżna imma għandna Gvern li naqqas is-servizzi bżonnjużi.
“Qed ibati minn qed jismana, aħna lkoll, qed ibati l-pajjiż kollu,” qal Bernard Grech. “Kull individwu qed ibati minn nuqqas ta’ kredibiltà tal-Prim Ministru Robert Abela. In-nies qed jaraw li mhux isibu soluzzjonijiet għax dawk li suppost itihomlhom, mhux jagħmel dan.”
Il-Kap tal-PN għamel referenza wkoll għall-allegazzjonijiet irrapportati fuq il-gazzetti tal-Ħadd filgħodu fejn qed jiġu implikati kemm uffiċċjali minn Kastilja kif ukoll Ministru preżenti f’allegat racket ta’ frodi f’dak li għandu x’jaqsam benefiċċji soċjali.
Huwa appella lill-Kumissarju tal-Pulizija Angeli Gafà sabiex issir investigazzjoni bir-reqqa b’rabta ma’ l-aħħar skandlu fil-kurituri ta’ Kastilja li għal darb’oħra ħallew lil bosta bla kliem.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Bernard Grech fakkar dwar il-festi tal-Indipendenza bit-tema ‘Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”, attivitajiet li se jkunu qed isiru fi Pjazza Tritoni.
“Inti għandek dritt li jkollok ħajja aħjar f’pajjiżna, u jien għandi ġenn li noffrilek ħajja aħjar f’pajjiżna,” qal Bernard Grech. “Hemm bżonn li nibqgħu naħdmu għalik u għalhekk irriduk li tkun magħna biex turi lil kulħadd li għandek tama u fiduċja fil-Partit Nazzjonalista.”
Bernard Grech ħeġġeġ biex kull persuna tattendi għall-festi tal-Indipendenza.
“Aħna għandna l-fiduċja fik iżda garanzija li nkunu ta’ suċċess biex noffrulek ħajja aħjar f’pajjiżna,” qal Bernard Grech. “U għalhekk jekk Alla jrid fl-20 ta’ Settembru niltaqgħu biex mhux biss niċċelebraw l-Indipendenza iżda ħajja aħjar għalik.”
//= $special ?>