“Ma tistax tħallat ikel li diġà jkun kontaminat ma’ ikel li int tkun għad trid tiekol. Dak il-fdalijiet tal-ikel li qalulna biex indaħħluh fil-friġġ ġo borża biex niffriżawh, anki wara ġurnata jkun kontaminat. Ma tistax tħalltu ma’ ikel li għad trid tikkonsma. Ara ma nagħmlux hekk!”
Dan l-appell wasslu wieħed mill-aktar esperti veterani u b’esperjenza ta’ snin twal f’pajjiżna, Anton B. Dougall, waqt programm tar-radju fuq Radju Malta nhar il-Ġimgħa li għadda.
Lejn tmiem il-programm ‘Għal Kulħadd’, preżentat minn Teresa Gauci fin-nuqqas ta’ Christine Delicata, is-Sur Dougall interrompa lill-preżentatriċi u qalilha li xtaq iwassal appell, anki jekk dan jista’ jinstema’ bħala ‘polemikuż’.
Hu qal li dan l-aħħar qrajna u smajna li xi ħadd ta parir biex il-borża organika niffriżawha biex ma tintinx fil-kċina. “Ara ma nagħmlux hekk!” appella b’vuċi soda Anton B. Dougall, personalità magħrufa ħafna fejn jidħol il-qasma tal-ikel, li ilu jagħti pariri fuq stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni għal snin twal u awtur ukoll ta’ bosta kotba ta’ riċetti u pariri dwar l-ikel.
Hu qal li hu lanqas nofs basla ma jħobb idaħħal fil-friġġ imma jaħliha kollha, aħseb u ara borża sħiħa bil-fdalijiet tal-ikel.
Il-parir tas-Sur Dougall isegwi dak ta’ bosta oħrajn li fuq il-midja soċjali u fil-ġurnali kkummentaw negattivament dwar il-parir tal-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Malta biex il-borża mimlija bl-ikel organiku niffriżawha u mbagħad noħorġuha mill-freezer tagħna dakinhar li jkun se jsir il-ġbir tagħha. Appell li sab l-appoġġ tal-Gvern li fl-ebda mument ma ċaħdu jew tkellem kontrih.