Futbol Sport

Branko Nisevic jirbaħ l-unur tal-aqwa kowċ tal-Kampjonat BOV Premier għall-istaġun 2022/23 mogħti mill-MFCA

Branko Nisevic rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ tal-Kampjonat BOV Premier għall-istaġun 2022/23 mogħti fit-tieni edizzjoni tal-Malta Football Coaches Association Awards.

Branko Nisevic mexxa lil Ħamrun Spartans għar-rebħ tal-Kampjonat Premier filwaqt li wassal lit-tim sal-fażi tal-play-offs tal-UEFA Europa Conference League fl-istaġun li għadda.

Il-kowċ ta’ Balzan Oliver Spiteri spiċċa fit-tieni post f’din il-kategorija. Waqt is-serata ta’ premjazzjoni f’aktar unuri li ngħataw, Paul Zammit kien magħżul bħala l-aqwa kowċ fiċ-Challenge League filwaqt li Edgar Degabriele ta’ Senglea Athletic kien magħżul bħala l-aqwa kowċ fl-Amateur League.

Jose’ Borg ta’ Birkirkara rebaħ l-aqwa kowċ tal-futbol tan-nisa filwaqt li l-eex kowċ ta’ Nadur Youngsters Mark Buttigieg kien magħżul bħala l-aħjar kowc f’Għawdex. F’wieħed mill-unuri speċjali li ngħataw, Fr Hilary Tagliaferro ngħata l-President’s Award għas-servizz twil tiegħu fil-coaching.

Kien hemm ukoll unuri oħra li nkludew il-kategoriji ta’ kowcis tal-Kampjonati taħt il-15-il sena, taħt is-17-il sena, youths, kowċ tal-goalkeepers kif ukoll head coaches.