Lokali Qorti

Erba’ xhur ħabs wara li hedded lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid

Andrè Calleja ta’ 29 sena, żagħżugħ bi problema tad-droga, residenti Bormla ġie kundannat erba’ xhur ħabs u multa ta’ €1,500 wara li ammetta li f’Lulju li għadda bejn id-9.30am u 12pm hedded lis-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima b’sikkina u li kiser il-paċi pubblika.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fil-21 ta’ Lulju li għadda wettaq dan ir-reat fi Ġnien Pawlu Boffa fejn il-Knisja. Ħareġ ukoll fil-Qorti li Calleja jbati wkoll minn problema ta’ rabja. Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu l-Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjubin kontrih,

Huwa ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika, u li għamel bi €23 fi ħsarat, ġarr sikkina, offenda lin-nies u li hedded li joqtol lill-imgħallem tiegħu, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti. Minbarra l-piena ta’ ħabs, li minnha għandu jitnaqqas iż-żmien li Calleja nżamm taħt arrest preventiv.

Il-Qorti ordnat il-konfiska tas-sikkina u ħarġet ordni ta’ trażżin favur l-imgħallem tal-akkużat u l-persuni li dakinhar tar-reat inzertaw fil-ġnien fejn seħħew ir-reati. Calleja ġie pprojbit anki milli jidħol fil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għall-perjpdu ta’ 18-il xahar. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher.