Lokali

FRODI BENEFIĊĊJI SOĊJALI: Min se jġorr responsabbiltà għal dan is-serq?

Il-Ħadd, kien żvelat kif l-eks backbencher Laburista Silvio Grixti qed jissemma’ bħala l-persuna li għal snin sħaħ għen lil mijiet ta’ nies sabiex jirċievu benefiċċji ta’ diżabilità li ma kinux intitolati għalihom – flus li daħħlu fil-but tagħhhom, kull xahar, b’mod frawdolenti.

It-Times ippubblikat evidenza illi tindika li Grixti, li huwa tabib tal-familja, ipprovda dokumenti mediċi foloz lil persuni, li ġeneralment kienu ġejjin minn distretti meqjusa bħala Laburisti. Dan sabiex jirċievu ħlas ta’ madwar €450 fix-xahar f’benefiċċji soċjali; racket li ssokta anke fl-2020, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.

It-Tnejn Net News staqsa lill-Ministu Owen Bonnici min min-naħa tal-Gvern ta l-barka tiegħu sabiex jingħataw dawn il-flus.. bil-Ministru nfexx f’attakk partiġġjan fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista, minflok wieġeb għad-domandi diretti li sarulu.

Owen Bonnici ħassu skomdu jwieġeb għad-domanda dwar min se jġorr responsabbiltà għal dan is-serq ta’ miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk il-Pulizija sejħitlux għall-invetigazzjoni, peress li ismu kien implikat minn wieħed mill-persuni li xehdu taħt ġurament bħala l-Ministru li rreferihom għal Silvio Grixti… Owen Bonnici ħassu infastidjat b’din id-domanda, filwaqt li baqa’ jiċħad l-involviment tiegħu f’dan il-każ.

Intant Net News saqsa wkoll lil Owen Bonnici dwar il-leak ta’ dokumenti sensittivi minn Kastilja li spiċċaw ħarġu fil-pubbliku fl-aħħar jiem, f’każ li bħalu qatt ma rajna qabel.

Bil-Ministru l-ewwel jgħid li ma kienx infurmat b’dan il-leak… iżda ftit wara jammetti li qara dwaru f’post fuq il-media soċjali.

Il-memo li kien ġie illikjat jirreferi għar-regolamenti l-ġodda tal-liċnzjar tal-kuntratturi – regolamenti li kienu fil-pussess tal-membri tal-Kabinett.

Dan il-leak ta’ dokumenti jkompli jixkef il-qasma li hemm fi ħdan il-Kabinett ta’ Robert Abela – u jikkonferma d-djgħufija tal-awtorità li għandu l-Mexxej Laburista.