Lokali

“Il-familja trawmatizzata u rrabjata”

“Il-familja ta’ sid il-ġojjellerija li spiċċa l-isptar jissielet għal ħajtu tinsab trawmatizzata, u irrabjata għal dak li seħħ”.

Hekk kitbet l-artikolista Josanne Cassar fil-MaltaToday, b’rabta mal-hold-up li seħħ fiż-Żurrieq…u li ħalla lil Joe Carabott fil-periklu tal-mewt.

Cassar, li hi ħabiba tal-familja Carabott, kitbet illi l-familja stess qas taf jekk il-vittma hux se jirnexxielu jirkupra minn din l-aggressjoni. Dan hekk kif ir-raġel, li għandu 67 sena, għadu rikoverat fl-ITU.

Il-hold-up seħħ fil-25 ta’ Awwissu li għadda. U minn dakinhar, tliet persuni – fosthom mara Maltija – tressqu l-Qorti akkużati b’din is-serqa.

Il-ħallelin wieġbu mhux ħatja tal-akkużi li qed isiru fil-konfront tagħhom.

It-tliet akkużati huma l-Marokkin Zuhir Adumi, li għandu 27 sena li jgħix Tas-Sliema, Mohamed Anas Boualam – Marokkin ieħor illi għandu 37 sena u li joqgħod Ħaż-Żebbuġ, u Donna Borg Sciberras li għandha 29 sena.

Huma tressqu l-Qorti fid-29 ta’ Awwissu, u nżammu arrestati.