Lokali

Il-Gvern ta’ Abela ma’ jridx jitkellem dwar il-problema tal-iskart

Kollox qed jindika li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jaħrab milli jiddiskuti l-problema inkontrollabbli tal-iskart – filwaqt li l-unika soluzzjoni li ħarġu biha s’issa kienet biss li l-poplu jiffriża l-iskart organiku.

F’post fuq il-midja soċjali, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott spjega kif hu laqa’ stedina sabiex jipparteċipa f’dibattitu fuq il-programm Xtra Sajf; dibattitu li jitratta l-problema tal-iskart f’pajjiżna. Iżda minn naħa l-oħra l-Membri tal-Labour m’aċċettawx li jipparteċipaw.

Net News jista’ jikkonferma li l-Ministri infurmaw lill-producers illi ma setgħux jattendu minħabba “problemi loġistiċi” – dan meta Abela għandu l-akbar kabinett li qatt kellna f’pajjiżna.

U ironikament, ħadd mill-Ministri ma sab ħin għal din id-diskussjoni.

Dan meta hemm ħames membri mill-Kabinett li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-settur.

Fil-fatt, il-Ministru Byron Camilleri huwa responsabbli mil-LESA; l-entità li tista’ tagħmel l-infurzar, il-Ministru Clayton Bartolo huwa responsabbli mit-turiżmu, l-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli huma responsabbli mill-Kunsilli Lokali u l-Ministru Miriam Dalli hija direttament responsabbli għall-iskart.

Għalkemm ħadd mill-Ministri m’aċċetta l-istedina għal dibattitu fuq il-PBS il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava laqa’ l-istedina sabiex jipparteċipa f’dan il-programm.

Il-problema tal-iskart f’pajjiżna issa ilha għaddejja għal diversi ġimgħat u l-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv, u joħroġ bil-proposti sabiex tkun indirizzata din il-kriżi li laqtet diversi lokalitajiet.