Lokali

It-turisti li jżuru l-Crafts Village f’Ta’ Qali qed jispiċċaw diżappuntati

F’perjodu meta t-turiżmu ikun laħaq il-qofol tiegħu l-Crafts Village f’Ta’ Qali spiċċa deskritt bħala “belt fantażma”, hekk kif ix-xogħolijiet f’din iz-zona għadhom nofs leħja.

Apparti minn hekk, il-ftit turisti li jżuru dan il-villaġġ qed jispiccaw ferm diżappuntati għaliex nofs il-ħwienet jekk mhux aktar ikunu bil-bibien magħluqin, hekk kif diversi binjiet għadhom mhumiex kompluti jew saħansitra għadhom fi stat bikri ħafna.

Il-proġett tal-Crafts Village beda fl-2017 u kellu jkun lest fl-2021. Iżda sal-lum il-ġurnata għad hemm diversi plots li għadhom qed jinbnew.

Sidien li tkellmu ma’ Net News spjegawlna illi għalkemm l-infrastruttura saret f’temp ta’ sentejn, issa l-kumplament tal-proġett miexi b’pass bilmod ħafna; tant li qed iħalli impatt negattiv fuq il-bqija tan-negozji. Dan hekk kif il-Crafts Village kien jara gruppi fuq gruppi ta’ turisti – iżda illum il-ġurnata l-ammont ta’ turisti li jmorru tgħoddhom fuq id waħda.

Uħud esprimew ma’ Net News li wara l-pandemija kienu qed jistennew li n-negozju jirritorna għan-normal iżda l-perjodu tal-pandemija għadda u dawn in-negozji xorta għadhom qed ibatu. Dan apparti li m’għandhomx data ta’ meta dan il-villaġġ se jibda jopera b’mod normali.

Barra minn hekk, uħud qalulna wkoll li wasal iż-żmien sabiex il-Gvern jieħu azzjoni ħalli dawk in-nies li għadhom ma bdewx jiżvilluppaw il-plot tagħhom jibdew ix-xogħolijiet minnufih. Dan filwaqt li appellaw ukoll għal sforz kollettiv sabiex dan il-villaġġ – li kien tant popolari – jibda jiffunzjona kif suppost illum qabel għada.