Eqirdu l-kultura ta’ abbuż… għax il-prattiċi li qed ixerrdu din il-kultura ta’ abbuż ta’ poter u klijentaliżmu qed tpoġġi piż kbir fuq il-Gvern u fuq il-poplu.
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li twassal lill-Gvern mill-Kamra tal-Kummerċ, meta nediet id-dokument ta’ qabel il-Budget li mistenni jitressaq fil-ġimgħat li ġejjin.
F’dan id-dokument, intqal li l-Gvern għandu jattwa politika ta’ tolleranza zero quddiem kwalunkwe każ ta’ abbuż… partikolarment minn dawk li għandhom responsabbiltà politika. Għax proprju minħabba dawn il-persuni qed ikun impattat ukoll is-suq tax-xogħol b’mod ġenerali.
Il-Kamra qalet li dawn l-abbużi li qed jiswew lill-poplu Malti miljuni ta’ ewro setgħu faċilment intużaw f’sistemi li jeqirdu l-abbuż. Dan fid-dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet mill-media dwar frodi f’għotjiet ta’ benefiċċji soċjali mill-Gvern – flus li skont il-Kamra tal-Kummerċ setgħu ntużaw biex tissolva l-problema tat-traffiku f’pajjiżna u jkun hemm aktar investiment fl-infrastruttura filwaqt li li jkun hawn immaniġġjar aħjar tal-iskart.
Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li aktar ma’ l-Gvern jieħu fit-tul biex isolvi dawn il-problemi, ir-riperkussjonijiet se jkunu ikbar.
F’perjodu fejn kulħadd qed ikun affettwat minn żieda fl-inflazzjoni, dawn l-abbużi qed ikollhom effett ikbar fuq l-ekonomija ta’ pajjżna minħabba li qed iżidu n-nefqa pubblika u konsegwenza t’hekk qed jiżidied id-dejn tal-Gvern.
Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-politiċi kollha sabiex jiġi eliminat il-klijentaliżmu u biex jaħsbu ftit fuq ir-riperkussjoijiet ta’ għemilhom. Kien hawn fejn l-istqarrija għamlet refereza għall-istatistika tal-Eurobarometer fejn 92% qalu li l-korruzzjoni tinsab madwar il-pajjiż kollu, b’76% tal-businesses urew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-korruzzjoni.
Quddiem dan kollu l-Kamra tal-Kummerċ qed tappella biex fost l-oħrajn il-Gvern jiddiġitalizza b’mod sħiħ is-servizzi tiegħu b’sistema ta’ tracking, minn żmien għal żmien jinbidlu l-ħaddiema involuti f’applikazzjonijiet sensittivi, ikun hemm aktar trasparenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, l-NAO jiskrutinja l-kuntratti pubbliċi ta’ ċertu valur, u jkun hemm limitu fuq in-numru ta’ persuni li jkollhom ‘position of trust’.
//= $special ?>