Internazzjonali

L-Istati Uniti: Eżodu mid-deżert tan-Nevada wara d-drama tal-‘Burning Man’

Tjiebu xi ftit il-kundizzjonijiet għall-eluf tan-nies maqbudin f’medda ta’ deżert fl-Istat ta’ Navada u li ħafna minnhom bdew joħorġu mill-inħawi li servew bħala sit għall-Festival tal-Burning Man tradizzjonali….Intant, l-avveniment din is-sena spiċċa xena waħda ta’ kaos a wara li x-xita qawwija biddlet id-deżert f’art ta’ ħadd iddominata mit-tajn u li spiċċat inaċċessibbli – bin-nies jispiċċaw iżolati għal sigħat sħaħ minħabba l-elementi.

Il-baħar tat-tajn b’konsegwenza tax-xita provdiet xena mill-aktar rari fid-deżert iżda fl-aħħar sigħat, l-art bdiet tinxef u l-vetturi u l-campervans mill-ġdid setgħu joħorġu mill-inħawi minflok jispiċċaw imwaħħlin fit-tajn bħalma kien il-każ għall-jum sħiħ tal-Ħadd u t-Tnejn filgħodu.

Il-festival, qalb id-deżert ta’ Black Rock jinvolvi esebizzjoni ta’ arti astratta u innovattiva minbarra avvenimenti oħra ta’ interazzjoni kulturali, fosthom il-mużika u forom oħra ta’ espressjonijiet artistiċi ‘f’ambjent liberu għall-aħħar’.

L-isem ‘Burning Man’  jirreferi għat-tradizzjoni fejn il-figura kbira ta’ raġel tingħata n-nar biex tissimbolizza ‘forma ta’ qawmien u bidu ġdid spiritwali.’ Intant,  l-organizzaturi tal-festival kellhom jipposponu l-finali – jew aħjar il-ħruq tal-figura – għal dan il-lejl minħabba l-aħħar jiem ta’ kaos.

Fi tmiem il-ġimgħa talanqas 72,000 persuna spiċċaw iżolati fil-qalba tad-deżert waqt li bdew jispiċċawlhom ir-riservi tal-ilma u l-ikel li kienu ġabu magħhom għall-avveniment magħruf ftit jew wisq bħala ‘il-Festival ta’ Glastonbury’ tal-Istati Uniti…

Fl-aħħar sigħat, ukoll, l-organizzaturi tal-festival ikkonfermaw li l-mewta ta’ raġel qalb id-deżert u li kienet rappurtata proprju nhar il-Ħadd ma kenitx relatata għall-maltemp. Huma qalu li s-servizzi għall-emerġenzi kienu pruvaw iġibu lir-raġel f’sensih iżda fallew fit-tentattiv —  bil-każ qed ikun investigat mill-Uffiċċju tax-Sheriff lokali.

Il-maltempata bix-xita li ddominat qalb il-Black Rock Desert fi tmiem il-ġimgħa mifhuma li kienet l-agħar waħda fir-reġjun mindu l-Festival tal-Burning Man beda jkun organizzat akar minn 30 sena ilu.

In-nies li kienu qed jitilqu mid-deżert sadanittant kollha esprimew ruħhom sorpriżi li s-sitwazzjoni setgħet issir daqstant diffiċli għalihom  minħabba x-xita u bir-riżultat li huma kellhom jgħaddu mill-aktar esperjenza stramba ta’ ħajjithom.