Il-Ministru Ukren għad-Difiża Oleksii Reznikov fl-aħħar sigħat ikkonferma li qed jispiċċa minn dan ir-rwol fost rapporti li l-bidla saret fuq inizjattiva tal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky.
Reznikov kien ilu jmexxi dan il-Ministeru minn qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja fi Frar tal-2022. Intant hu issa qal li kien issottometta l-ittra tar-riżenja lill-Parlament fi Kiev u fost rapporti li hu għandu jilħaq bħala l-Ambaxxatur ta’ pajjiżu f’Londra wara li rnexxielu jkattar ir-relazzjonijiet tajbin mal-politiċi ewlenin tar-Renju Unit.
Sadanittant, l-osservaturi viċin il-politika Ukrena indikaw li r-reshuffle fil-Kabinett ta’ Zelensky mgħandux ifisser bidla partikulari għall-istrateġiji tal-Ukreni fil-kampijiet tal-battalja.
Dan meta l-Ġeneral Valery Zaluzhny, bħala l-Kap-kmandant tal-qawwiet armati tal-Ukrajna, se jkompli jamministra d-difiża ta’ pajjiżu flimkien mal-kontra-offensiva mit-truppi tiegħu li qed jippruvaw ikeċċu lill-Armata Russa mill-ibliet u l-villaġġi Ukreni li ilha tokkupa għal xhur.
Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qal li wasal iż-ħmien għal bidla fid-direzzjoni tal-Ministeru għad-Difiża u meta s-suċċessur ta’ Reznikov se jkun Rustem Umerov, li sa ftit ilu kien imnexxi lill-Fond għall-Proprjetà tal-Istat Ukren.
Oleksii Reznikov, li għandu 57 sena, kien ilu fost l-aktar uċuh prominenti tal-Gvern Ukren mill-bidu tal-gwerra mar-Russja u fejn anki sar personalità internazzjonali minħabba d-dehriet kontinwi tiegħu fil-media internazzjonali.
Sadanittant, Reznikov kien jattendi regolarment għal-laqgħat mal-Alleati tal-Ukrajna waqt li kellu rwol ewlieni fil-lobbying għal aktar tagħmir militari mill-Punent biex l-Ukreni jirreżistu aħjar lill-qawwiet Russi f’pajjiżhom.
Fil-fatt, l-osservaturi qalu li Reznikov, fl-aħħar xhur, kien il-protagonista wara theżżiża assoluta fil-Ministeru tad-Difiża Ukren u fejn fost oħrajn witta t-triq għall-isħubija potenzjali tal-Ukrajna fl-Alleanza tan-NATO.
//= $special ?>