Lokali

Lejn il-ftuħ tal-EuroPride f’pajjiżna

Din il-ġimgħa jingħata bidu għal Europride; avveniment mistenni minn eluf ta’ persuni u li se jkun mqassam fuq għaxart ijiem – minn diskussjonijiet għal esebizzjonijiet varji – bil-qofol jintlaħaq fis-16 ta’ Settembru meta jsir il-Pride March.

Din is-sena l-pride se jkun avveniment fuq skala akbar hekk kif se jkun organizzat Pride Village fi Pjazza Tritoni fejn se jsiru numru ta’ diskussjonijiet dwar suġġetti varji li żgur se jkunu t’għarfien dwar l-importanza tal-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna.

Apparti minn hekk, se jkun hemm ukoll esebizzjonijiet ta’ ritratti, arti kif ukoll filmati fi Spazju Kreattiv.

Din is-sena l-EuroPride qed toffri pjattaforma għal films fejn se jintwerew diversi films abbinati mal-komunità li saru minn Maltin u anke dawk barranin.

Dan filwaqt li din se tkun l-ewwel sena fejn se jipparteċipa kor magħmul minn persuni li huma parti mill-komunità LGBTIQ+ kif ukoll numru ta’ avvenimenti oħra.

Iżda l-qofol tal-Europride jintlaħaq fis-16 ta’ Settembru hekk kif se jkun hemm il-pride march li mistenni li jibda minn Triq Sant Anna fil-Furjana u jasal fi tmiemu fi Pjazza Tritoni. Wara, se jkun hemm kunċert li huwa mistenni minn eluf ta’ persuni hekk kif se tkanta l-artista ta’ fama internazzjoanli Christina Aguilera kif ukoll diversi artisti oħra; kemm Maltin kif ukoll internazzjonali.

S’issa għall-Pride March diġa rreġistraw mal-20,000 persuna.

Intant, għat-tieni darba se jsir ukoll il-Pride March f’Għawdex wara s-suċċess li kellu dan l-avveniment is-sena li għaddiet.